Marsa St Michael’s rebħu l-MAFA KO wara li għelbu lil Attard Edex Kings 1-0 f’logħba ferm interessanti.
Il-gowl li ddeċieda l-konfront ġie skorjat wara biss tliet minuti logħob hekk kif wara cross mil-lemin, kien l-iskorer prolifiku Lamin Jaiteh li minn quddiem Adarsh ma żbaljax.
Marsa kellhom numru ta’ okkażjonijiet lejn il-lasti avversarji iżda Moses Nwankwo u Seedy Fofana ma ħadux vantaġġ miċ-ċansijiet li ġewhom.
Mill-banda l-oħra, il-goalkeeper ta’ Marsa Alvarez Rojas kien tajjeb fuq xuttijiet ta’ Ali Oularbi u Ifeanyi Wisdom.
L-aħħar minuti kienu ferm iebsin għad-difiża ta’ Marsa li kellha tiddefendi sew biex ixejjen l-attakki ta’ Attard.
Wara l-konfront, Marsa St Michael iċċelebraw bil-kbir speċjalment meta l-captain tagħhom Nikola Neskovic irċieva t-tazza mingħand il-viċi-president tal-MFA Dr Matthew Paris.