Monday, May 26, 2025

Marsa St Michael u Attard Edex Kings fil-finali tal-MAFA KO

Aqra wkoll

Se jkunu Marsa St Michael’s u Attard Edex Kings li se jikkontestaw il-finali tal-MAFA KO wara li rebħu s-semifinali rispettiva tagħhom.

Valletta St Paul’s – Marsa St Michael’s 3-4

Il-holders Valletta St Paul’s ġew eliminati mill-MAFA KO wara li tilfu semifinali missielta kontra r-rivali Marsa St Michael 4-3.

Kienet logħba ferm sabiħa u divertenti biż-żewġ naħat li xejn ma qagħdu lura milli jattakkaw għalkemm kien hemm ukoll xi żbalji difensivi li ppermettew lill-attakkanti rispettivi li jiskorjaw il-gowls.

Kienu Valletta li fetħu tajjeb u wara biss tliet minuti marru minn fuq meta kien Jerome Fiteni li wara azzjoni ta’ corner, bir-ras għeleb lil Alvarez bejn il-lasti ta’ Marsa.

Il-Marsin mal-ewwel irrispondew minn din id-doċċa kiesħa tant li ġabu l-iskor indaqs tliet minuti wara meta kien Darko Todorovski li indirizza ballun li bih għeleb lill-goalkeeper Ivan Valentin. Dan tal-aħħar wettaq żball kbir fl-24 minuta meta fit-tentattiv li jikklerja, ta l-ballun lil Lamin Jaiteh li rringrazzja u b’lob perfett għamilhom 2-1, skor li bih intemmet l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, it-tim mill-kapitali ħarġu bħal iljuni u ġabu l-iskor indaqs b’daqqa ta’ ras oħra ta’ Matheus Verissimo li kien għadu kemm daħal.

Fit-48 minuta, Marsa reġgħu marru minn fuq b’gowl tal-istampi ta’ Moses Chijoke Nwankwo li għeleb lil Valentin sabiex fit-57 minuta wara żball ieħor difensiv kien Seedy Fofana li ssiġġilla r-rebħa Marsija.

Referee kien Lorry Sammut.

Birżebbuġa St Peter’s AFC – Attard Edex Kings 0-2

Żewġ gowls fit-tieni taqsima taw il-kwalifikazzjoni lil Attard Edex Kings wara rebħa fuq Birżebbuġa St Peters’s AFC. Dan kien dwell bejn żewġ timijiet mit-tieni diviżjoni.

Aktar qabel dawn iż-żewġ naħat iltaqgħu kontra xulxin darbtejn b’Attard li rebħu 2-1 u 3-2.

Wara taqsima kwieta fejn ftit jew xejn rajna azzjonijiet lejn il-lasti rispettivi, Attard marru minn fuq fis-60 minuta meta kien Fayis Valiya Parambath li rċieva tajjeb mingħand Miguel Acevedo u b’xutt tajjeb għeleb lil Darrell Abela Tabone bejn il-lasti ta’ Birżebbuġa.

Hekk kif Birżebbuġa bdew jattakkaw fit-tentattiv li jmorru għall-ħin barrani, wasal il-gowl li ssiġġilla l-konfront minn Andrea Linares Aguilera li sab lid-difiża avversarja mhux preparata.

Referee kien Peter Abela.

Il-finali tal-MAFA KO bejn Marsa St Michael’s u Attard Edex Kings se tintlagħab nhar l-Erbgħa li ġej fil-grawnd ta’ Marsaxlokk u tibda fis-7pm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport