Marsascala Heat huma r-rebbieħa tal-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena tal-hockey wara rebħa diffiċli ta’ 2–1 kontra Qormi Daikin f’konfront deċiżiv u ferm akkanit.
Il-partita bdiet b’ritmu kawt, biż-żewġ timijiet jippruvaw jikkontrollaw il-logħba u b’ftit ċansijiet ċari fl-ewwel kwarta li ntemmet mingħajr gowls. Qormi bdew jiksbu aktar kunfidenza fit-tieni quarter u marru fil-vantaġġ permezz ta’ Giorgio Muscat, biex poġġew lil Heat taħt pressjoni.
Wara l-mistrieħ, Marsascala rreaġixxew b’aktar intensità u determinazzjoni. L-isforzi tagħhom wasslu għall-gowl tal-parità minn Xylon Cassar, li reġa’ daħħal lit-tim fil-logħba. Meta l-partita kienet riesqa lejn draw, Marsaskala Heat skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Kyron Carabott.
B’hekk l-Iskalin setgħu jiċċelebraw dan it-titlu bit-tim li minn sena għall-oħra qed jagħmel progress u lest sabiex fiż-żmien mhux ‘il bogħod jipparteċipa fil-kampjonat tal-kbar.
Marsaskala Heat lagħbu b’din il-formazzjoni:
Eric Badacchino Pysz, Kelsey Meilak, Xylon Cassar, Yan Camilleri, Kyron Carabott, Jerome Carabott, Kane Zammit, Alessandro Piscopo, Damian Lupu, Nathan Lauri Rodo.
Umpires kienu James Mizzi u Karl Chircop.

