Marsaxlokk …….2
Balzan ……………1
Minn Cristian Muscat
F’partita pjaċevoli, Marsaxlokk rebħu partita bilanċjata bl-iskor ta’ 2-1 fuq Balzan biex b’hekk komplew ikabbru l-problemi għal dawn tal-aħħar.
Din kienet ir-raba’ rebħa għal Enzo Potenza fl-era tiegħu bħala coach ta’ Marsaxlokk.
Ta’ nota huwa l-fatt li għal Balzan mexxa t-team l-assistant coach, Daryl Willard, fl-assenza ta’ Dave Rodgers.
Marsaxlokk għamlu l-intenzjonijiet tagħhom cari mal-ftuh tal-partita u wara biss tliet minuti fetħu l-iskor meta l-ewwel xutt ta’ Yuri De Jesus Messias ġie mblukkat f’corner mill-goalkeeper ta’ Balzan, Dylan Ciappara, biex mill-corner li rriżulta, xutt ta’ Nikolai Muscat ġie devjat għal ġewwa minn Triston Caruana biex irriżulta auto-goal sfortunat.
Huma komplew fuq l-offensiva u fid-disa’ minuta xutt minn pożizzjoni ideali ta’ Yuri De Jesus Messias għadda ftit barra.
Iżda Balzan ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u ta’ dan ġew ippremjati meta fit-22 minuta ġabu l-iskor indaqs hekk kif Triston Carauana kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa biex b’hekk patta bis-sħiħ għall-iżball li wettaq fl-azzjoni tal-goal ta’ Marsaxlokk kmieni fil-partita.
Ix-Xlukkajri wieġbu fit-28 minuta meta Yuri de Jesus Messias għalkemm ixxamplat u żmarkat f’tarf il-kaxxa tefa’ inkredibbilment għoli.
Fit-43 minuta Balzan appellaw għal penalty meta Elvis Kamsoba twaqqa’ minn difensur avversarju iżda r-referee Matthew Degabriele ġġudika li Kamsoba kien wettaq simulazzjoni u kawża t’hekk ġie ammonit.
Balzan ħarġu ferm tajjeb fil-ftuħ tat-tieni taqsima u fil-55 minuta, kienu sfortunati li ma reġgħux marru fil-vantaġġ meta Jan Busuttil għadda tajjeb lejn Marcel Lima li kellu t-tentattiv tiegħu jistampa mal-wieqfa.
Fit-72 minuta, ix-Xlukkajri skorjaw il-goal tar-rebħa meta YURI DE JESUS MESSIAS dar tajjeb ma’ tliet difensuri avversarji qabel spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
U biex l-affarijiet komplew imorru ħażin għal Balzan, fit-80 minuta huma qalgħu daqqa ta’ ħarta hekk kif spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa l-midfielder, Dimeji Awosanya, wara li rċieva żewġ karti sofor.
MARSAXLOKK: 95-Marko Drobnjak, 4-Karl Micallef, 6-Nikolai Muscat, 10-Yuri De Jesus Messias, 19-Jose Ulises Arias (11-Duane Bonnici 84), 23-Alex Gomes De Aguilar, 24-Enmy Manuel Pena Beltre, 26-Raphael Holzhauser (21-Jai Quitongo 66), 27-Leandro Aguirre, 28-Nikola Raden (22-Lucas Lopez 35), 30-Ryan Scicluna – Coach: Vincenzo Potenza
BALZAN: 1-Dylan Ciappara, 5-Samir Arab, 7-Triston Caruana, 8-Nicholas Pulis (21-Emanuel Buschmond-Dormond 84), 10-Jan Busuttil, 14-Dimeji Awosanya, 17-Henri Braham Stanic, 24-Kevin Williams, 27-Alexander Ayo Akpan, 77-Elvis Kamsoba, 80-Marcel Lima (22-Jake Grech 71) – Coach: Daryl Willard
REFEREE: Matthew Degabriele
ASS. REFEREES: Mark Ciantar, Shaun Calleja
RABA’ UFF: Emanuel Grech
SKORERS: T. Caruana og 3, Y. De Jesus Messias 72 (M), T. Caruana 22 (B)
AMMONITI: E. Kamsoba, N. Pulis, D. Awosanya (2), K. Williams (B), K. Micallef, A. De Aguilar Gomes, L. Aguirre (M)
TKEĊĊA: D. Awosanya 80 (B)