L-aħħar tislima lil Christian Degabriele se tkun qiegħda tingħata nhar l-Erbgħa 17 ta’ Awwissu fl-10:00 a.m fil-Knisja Parrokjali taż-Żejtun. Ħabbret dan il-mara tiegħu li fl-aħħar sigħat fakkret dwar mumenti sbieħ ma’ żewġha anke fejn jidħol is-safar.
Ilbieraħ hja qalet li proprju xahar qabel kienu marru l-Awstrija. Qalet ukoll li xi jiem qabel miet kien staqsieha fejn kien imiss għax kien jaf li hi dejjem taħseb biex isiefru.
Hija fakkret dwar iż-żmien sabiħ tagħhom meta kienu jsiefru flimkien u kif kienu jqassmu r-responsabbilitajiet. Fuq kollox kien ikun Christian li jikkalmaha meta xi ħaġa ma tmurx skont il-pjan.
Christian Degabriele huwa l-għaddas li ttella’ mejjet mill-baħar f’San Pawl il-Baħar il-Ġimgħa filgħodu. It-tfittxija għalih bdiet minn rapport li sar il-Ħamis filgħaxija wara li mar jogħdos u ma rritornax.