Tuesday, October 21, 2025

Mart il-Prim Ministru tippreżenta donazzjoni lill-Fondazzjoni Richmond mid-dħul tal-festival Nitkellem

Aqra wkoll

Dr Lydia Abela ppreżentat lill-Fondazzjoni Richmond is-somma ta’ €10,600 li se tgħin biex l-organizzazzjoni nongovernattiva tkompli toffri servizzi ta’ appoġġ, terapija u taħriġ fil-qasam tas-saħħa mentali.

Din is-somma nġabret mill-ewwel edizzjoni tal-festival Nitkellem li organizzat mart il-Prim Ministru flimkien mal-Gvern ta’ Malta fl-10 ta’ Ottubru li għadda – mill-bejgħ tal-biljetti għall-kunċert oriġinali ta’ Kelma Kelma Nota Nota kif ukoll mid-donazzjonijiet tan-nies matul il-jum ta’ attivitajiet.

Lydia Abela qalet li huwa ta’ sodisfazzjon li mijiet ta’ Maltin u Għawdxin ipparteċipaw fil-festival Nitkellem fejn qassmu l-esperjenzi tagħhom b’mod miftuħ u rilassat, u għenu biex jiġu ġġenerati fondi għal kawża tant ġusta.

Waqt li ltaqgħet mal-ħaddiema u professjonisti tal-Fondazzjoni Richmond, Dr Abela qalet li huwa ta’ serħan il-moħħ li llum jeżisti iktar għarfien dwar il-bibien li wieħed jista’ jħabbat meta jħoss il-bżonn.

“Importanti li nkomplu nwasslu l-messaġġ li l-għajnuna teżisti. Tkellem u iftaħ qalbek. Żgur li se ssib min jisimgħek u jgħinek,” appellat Lydia Abela.

Mart il-Prim Ministru temmet tgħid li l-ħidma fil-qasam tas-saħħa mentali teħtieġ ħidma kontinwa, fost oħrajn biex naraw li t-tfal jikbru f’ambjent inqas stressanti iżda wkoll biex intuhom l-għodda mentali li jgħinuhom jiffaċċjaw mumenti ta’ sfidi f’ħajjithom.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Daniela Calleja Bitar esprimiet l-apprezzament tagħha għax-xogħol li qed twettaq Dr Abela mhux biss biex tiġbor fondi għal għaqdiet volontarji li jaħdmu f’dan is-settur, iżda wkoll biex tkompli tassigura li s-saħħa mentali tibqa’ tingħata l-ikbar prijorità nazzjonali.

Iż-żewġ naħat irringrazzjaw lil kull min ta donazzjoni waqt il-festival Nitkellem kif ukoll lill-għaqdiet SOS Malta, Dar Kenn għal Saħħtek, l-attriċi Simone Spiteri u l-għawwiem Neil Agius għad-diskussjonijiet u l-attivitajiet li mexxew.

Preżenti għall-preżentazzjoni ta’ din id-donazzjoni, flimkien ma’ Dr Abela, kien hemm l-attur Ray Calleja f’isem Kelma Kelma Nota Nota.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport