Tuesday, December 24, 2024

Mart il-Pulizija mixli bil-qtil ta’ George Floyd titlob id-divorzju

Aqra wkoll

Mart Derek Chauvin, il-Pulizija minn Minneapolis li qed jiffaċċja akkużi b’rabta mal-mewt ta’ George Floyd aktar kmieni din il-ġimgħa, talbet biex tiddevorzja lil żewġha.

Dan kien ikkonfermat mill-avukati li qed jirrappreżentawha, bl-Uffiċċju Legali Sekula jgħidu li Kellie Chauvin tinsab ixxukkjata bil-mewt ta’ Floyd u toffri l-kondoljanzi tagħha lill-qraba tar-raġel.

Stqarrija maħruġa mill-Uffiċju Legali lbieraħ filgħaxija tikkonferma li hija applikat għad-divorzju.

“Filwaqt li s-Sinjura Chauvin m’għandhiex tfal mir-relazzjoni li kellha ma’ Derek, hija qed titloba li wliedha, il-ġenituri anzjani tagħha u l-familja estiża tagħha jingħataw is-sigurtà u l-privatezza matul dan iż-żmien diffiċli,” kienet tgħid l-istqarrija.

Derek Chauvin intant ġie arrestat u qed jiffaċċja akkużi ta’ qtil involontarju. Il-midja Amerikana qed tantiċipa li fil-ħin li ġej mistennijin li jsiru aktar arresti.

Filmat ta’ Chauvin iżomm lil Floyd mal-art b’irkopptu fuq għonq ir-raġel xtered b’mod virali fuq l-internet. Il-mewt ta’ Floyd wasslet għal bosta dimsotrazzjonijiet f’diversi bliet madwar l-Istati Uniti, b’uħud minnhom jieħdu xejra vjolenti.

Il-Prosekuturi qed jgħidu li Chauvin żamm irkopptu għal xejn inqas minn tmien minuti u 46 sekonda, fosthom żewġ minuti u 53 sekonda li matulhom Floyd deher li kien mitluf minn sensih.

Il-Pulizija ntalbu jintervjenu wara li Floyd prova juża karta tal-flus falza f’ħanut tal-ikel.

Ekonomija

Sport