Monday, November 11, 2024

Mart Julian Assange ssostni li l-Ewropa jeħtieġ li tagħmel aktar biex tipproteġih

… ma jitħalliex jattendi bħala finalist għall-Premju Sakharov fi Strasburgu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fost il-finalisti għall-premju Sakharov kien hemm il-fundatur ta’ Wikileaks Julian Assange li qiegħed jinżamm f’ħabs f’Londra fejn qiegħed jistenna d-deċiżjoni tal-appell kontra li jiġi estradit lejn l-Istati Uniti.

“L-Ewropa jeħtieġ li tagħmel iktar biex tipproteġi lil Julian Assange”, sostniet fid-diskors tagħha martu Stella Assange f’diskors mill-aktar imqanqal fil-binja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Minkejja li kien finalist ta’ dan il-premju relatat mal-libertà tal-espressjoni, il-ħabs ta’ Belmarsh ma tax l-awtorizzazzjoni li huwa jkun jista’ jattendi għall-preżentazzjoni li saret ilbieraħ. 

F’ismu kien hemm preżenti martu; avukat u difensur tad-drittijiet tal-bniedem, li żewġha ma kellux jagħmel ġurnata li hi ġurnata l-ħabs minħabba dak li espona fil-ġurnaliżmu tiegħu. Minflok huwa ilu jinżamm il-ħabs għal aktar minn tliet snin. 

Tkellmet ukoll dwar it-tbatijiet tal-familja tagħhom tant li mhux biss hemm fin-nofs żewġt ulied ta’ tliet snin u ħames snin u li dawn jistgħu jaraw lil missierhom biss madwar siegħa fil-ġimgħa, iżda l-istess missierhom jinsab f’ċella żgħira għal aktar minn 20 siegħa kuljum.

Stella kompliet biex tgħid li L-Istati Uniti jeħtieġ li tisma’ mill-alleati tagħha li dan huwa intollerabbli u li jaffettwa l-valuri u l-interess tal-Unjoni Ewropea. 

Qalet ukoll li l-Istati Uniti qiegħda taqbeż il-fruntieri tagħha billi titlob ġurisdizzjoni fl-ispazju Ewropew biex tillimita l-libertajiet tal-istampa u d-dritt tal-pubbliku li jkun mgħarraf bil-verità billi tikkriminalizza l-ġurnaliżmu.

“Il-pajjiżi jridu jqumu għall-valuri fundamentali tagħhom u m’għandhomx jittolleraw talbiet ta’ estradizzjoni skandalużi, bħal dik kontra Julian”, kompliet biex tgħid martu filwaqt li sostniet li huwa qiegħed jaffaċċja prosekuzzjoni għall-istess attivitajiet li wassluh biex ikun finalist ta’ dan il-premju daqstant prestiġjuż. 

Bħala finalist għal dan il-premju, il-Parlament Ewropew qed iwassal il-messaġġ li l-każ tiegħu huwa wieħed importanti għalih, għaċ-ċittadini Ewropej u l-midja b’mod inġenerali, anke minħabba l-element ta’ politika li ntqal li hemm wara dan il-każ.

“Huwa espona reati tal-gwerra, qtil ta’ ċittadini u torturi u b’hekk espona reati mwettqa mill-gvern Amerikan u l-aġenti tiegħu”, żiedet tgħid Stella. 

Jekk kemm-il darba huwa jiġi estradit lejn l-Istati Uniti, il-fundatur ta’ WikiLeaks qed jaffaċċja kundanna ħarxa sa 175 sena ħabs talli ppubblika dokumenti kunfidenzjali li jsemmu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem waqt il-gwerer tal-Istati Uniti, fl-Iraq u fl-Afganistan. Huwa qed ikun imfittex mill-awtoritajiet Amerikani biex jaffaċċja xejn inqas minn 18-il akkuża fosthom spjunaġġ relatat ma’ WikiLeaks kif ukoll fuq il-ħruġ ta’ dettalji kunfidenzjali dwar il-militar fl-Istati Uniti. L-Amerikani qed isostnu li dawn poġġew il-ħajjiet ta’ dawn in-nies f’periklu kbir.

Il-Kummissjoni għall-Verità fil-Kolumbja mal-finalisti

Sadanittant, il-Kummissjoni għall-Verità fil-Kolumbja kienet ukoll fost il-finalisti għall-Premju Sakharov 2022. Din il-Kummissjoni hi istituzzjoni li nħolqot bil-ftehim ta’ paċi tal-2016 maħsub biex itemm il-gwerra ċivili Kolombjana. L-għan tagħha huwa li taċċerta l-fatti relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul il-kunflitt u tiddefendi d-drittijiet tal-miljuni li sfaw vittmi tiegħu. In-nomina – li ssemmi nies bħal Francisco de Roux, Alejandro Valencia Villa, Marta Ruiz Naranjo, Alfredo Molano Bravo (b’mod postumu), Alejandro Castillejo, Saúl Alonso Franco, Lucía Victoria González, Patricia Tobón Yagarí, Alejandra Miller, Leyner Palacios, Ángela Salazar Murillo (b’mod postumu) u Carlos Martín Beristain – tagħti ġieħ lill-vittimi tal-gwerra ċivili u hija deskritta bħala opportunità biex jiġi appoġġat il-proċess ta’ paċi.

Sport