Tuesday, April 7, 2026

Martha Perici Ferrante … tibqa’ determinata li tkompli titjieb u tikkompeti f’livell dejjem aktar għoli fil-waterpolo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-waterpolo Malti qed ikompli jikber dejjem aktar u fost il-protagonisti żgħażagħ li qed jispikkaw hemm Martha Perici Ferrante, plejer promettenti li qed tagħmel passi kbar kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali. F’din l-intervista li tat lil dan is-sit, hija taqsam l-esperjenzi tagħha, is-suċċessi miksuba u l-ambizzjonijiet tagħha għall-futur.

Minn età żgħira, Martha kienet diġà mdawra bl-isport akkwatiku. Tirrakkonta kif il-ġenituri tagħha kienu jeħduha regolarment il-pitch tas-Sirens, fejn bdiet tiżviluppa l-imħabba tagħha lejn l-għawm u l-waterpolo. Fil-bidu kienet tipprattika l-għawm sinkronizzat, iżda meta Sirens nedew it-tim tan-nisa tal-waterpolo, ħasset li din kienet opportunità li ma setgħetx tħalliha tgħaddi.

“Maż-żmien bdejt niffoka aktar fuq il-waterpolo u ddeċidejt li nimxi f’din id-direzzjoni,” tgħid Martha, li llum hija waħda mill-elementi importanti fit-tim tagħha.

L-istaġun li għadda kien wieħed memorabbli għal Sirens, hekk kif irnexxielhom jirbħu l-kampjonat. Martha tiddeskrivih bħala riżultat ta’ xogħol iebes u dedikazzjoni kbira.

“Kellna tim b’età medja ta’ madwar 16-il sena, iżda minkejja dan urejna maturità kbira. It-taħriġ intensiv u l-impenn ta’ kulħadd wassluna għas-suċċess.”

Hi tagħti kreditu lill-kowċis li huma parti mill-istaff tekniku tat-tim minn San Pawl il-Baħar, kif ukoll lill-kumitat, li dejjem emmnu fit-tim. Skontha, l-għaqda bejn il-plejers kienet fattur ewlieni: “Aħna beżlin u nieħdu t-taħriġ bis-serjetà, u dan jagħmel differenza kbira.”

Esperjenza li ħalliet impatt qawwi fuq Martha u sħabha kien it-turnew li sar f’Ruma. Hemmhekk, huma affrontaw timijiet aktar b’saħħithom u b’esperjenza akbar. “Rajna differenza kbira fil-livell. Dawn l-atleti jagħmlu taħriġ intensiv kuljum, inkluż gym u sessjonijiet tattiċi twal. Minkejja kollox, irnexxielna nżommu livell tajjeb u nitgħallmu ħafna.”

Din l-esperjenza għenithom jifhmu fejn għandhom itejbu, speċjalment fil-qawwa fiżika u t-taħriġ barra l-ilma. “Din is-sena rridu niffukaw aktar fuq il-preparazzjoni fuq l-art iġifieri aktar forma fiżika tajba biex inkunu aktar kompetittivi,” żiedet tgħid.

Wieħed mill-akbar suċċessi riċenti tas-Sirens wasal fuq livell Ewropew, meta t-tim kiseb il-ħames post fil-European Aquatics Challenger Cup, li bla dubju kien l-aħjar riżultat qatt miksub minn tim femminili Malti f’kompetizzjoni kontinentali. Il-kompetizzjoni, li saret f’Izmir, it-Turkija, kienet waħda intensiva ħafna, b’ħames logħbiet diffiċli kontra avversarji ta’ livell għoli.

“Fil-grupp tagħna kellna kemm ir-rebbieħa kif ukoll ir-runners-up tal-kompetizzjoni, għalhekk kienet sfida kbira. Madankollu, irnexxielna niksbu rebħiet importanti li qatt ma nkisbu qabel minn tim Malti tan-nisa,” tispjega Martha.

Is-suċċess kontra San Ġiljan, fejn Sirens rebħu 16-4, kien wieħed mill-aktar mumenti impressjonanti. Martha stess kienet fost il-protagonisti, u kkontribwiet b’gowls importanti. Dan ir-riżultat kien xhieda tal-progress kbir li għamel it-tim.

Martha tgħid li ilha tipprattika l-waterpolo għal madwar għaxar snin u li kibret fi ħdan is-Sirens. “Aħna madwar 20 tfajla u prattikament kbirna flimkien. Din il-konnessjoni bejnietna tgħinna ħafna fil-pitch.”

Hi tenfasizza li s-suċċess ma jiġi qatt b’kumbinazzjoni: “Huwa kombinazzjoni ta’ ħafna affarijiet – taħriġ, dedikazzjoni, dixxiplina u fuq kollox l-għaqda. Aħna nitħarrġu sitt darbiet fil-ġimgħa u nagħmlu sagrifiċċji kbar biex intejbu lilna nfusna.”

Il-kowċ Dorian Pisani għandu rwol importanti ħafna fl-iżvilupp tat-tim. Skont Martha, huwa persuna determinata u paċenzjuża li dejjem jipprova joħroġ l-aħjar mill-plejers tiegħu. “Għandna relazzjoni tajba ħafna miegħu u hu jqatta’ ħafna ħin magħna, u għalhekk jaf sew il-punti b’saħħithom u anke dak li għad irridu ntejbu.”

Aspett ieħor importanti li semmiet Martha huwa l-opportunità li Sirens taw lit-tim biex jikkompeti barra minn Malta. “Dawn l-esperjenzi jgħinuna nitgħallmu tekniċi differenti u naraw kif jilagħbu timijiet oħra. Hija opportunità prezzjuża ħafna għalina.”

Hija wkoll tapprezza l-appoġġ tal-klabb u tal-kumitat, li jaħdmu bla waqfien biex itejbu l-kundizzjonijiet u jagħtu aktar opportunitajiet lill-plejers. “Nixtieq nirringrazzja lill-kowċis, lis-Sirens u lill-kumitat għax verament jagħmlu ħafna għalina.”

Martha ma nsietx lill-kollegi tagħha fit-tim: “Ninsab grata li ninsab parti minn dan it-tim. L-għaqda bejnietna hija kruċjali u tgħinna niksbu r-riżultati.”

Barra minn hekk, Martha temmen li dawn is-suċċessi għandhom iservu bħala motivazzjoni mhux biss għaliha iżda wkoll għal ġenerazzjonijiet ġodda ta’ plejers. Hija tispjega kif il-fatt li tim Malti tan-nisa rnexxielu jikseb riżultat storiku fuq livell Ewropew jagħti kuraġġ lil kulħadd biex jemmen li kollox hu possibbli bix-xogħol u d-dedikazzjoni.

“Meta tara li tista’ tikkompeti ma’ timijiet barranin u tikseb riżultati, tibda temmen aktar fik innifsek u fit-tim,” tgħid hi.

Hija tisħaq ukoll fuq l-importanza tal-bilanċ bejn l-istudju u l-isport, speċjalment għall-plejers żgħażagħ. Minkejja l-impenji akkademiċi, Martha u sħabha jibqgħu determinati li jagħtu l-aħjar tagħhom f’kull sessjoni ta’ taħriġ.

Hija tħares ’il quddiem b’ottimiżmu lejn il-kompetizzjonijiet li ġejjin, b’għan ċar li Sirens ikomplu jtejbu r-riżultati tagħhom u jkomplu jiktbu isimhom fuq il-mappa Ewropea.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, hija tisħaq fuq l-importanza tal-viżibilità u l-iżvilupp tal-waterpolo femminili f’Malta. “Huwa importanti li l-klabbs ikomplu jaħdmu fuq l-akkademji tagħhom biex jinħolqu aktar opportunitajiet għat-tfajliet. Dan l-isport għandu futur sabiħ quddiemu.”

B’ħarsa lejn il-futur, Martha tibqa’ determinata li tkompli titjieb u tikkompeti f’livell dejjem aktar għoli. Bl-impenn u t-talent tagħha, flimkien mal-għaqda tat-tim ta’ Sirens, jidher ċar li l-aqwa għalihom għadu ġej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport