Monday, December 23, 2024

Martin Skrtel qiegħed jimxi ġurnata b’ġurnata fil-karriera tiegħu

Aqra wkoll

Martin Skrtel twieled fil-belt ta’ Handlova, fil-15 ta’ Diċembru, 1984, u għandu 37 sena. Huwa jil­għab bħala difensur ċentrali mat-team Slovakk ta’ Spartak Trnava u llum jista’ jiġi kkunsidrat bħala ex player internazzjonali tas- Slovakkja wara li lagħab għal 15-il sena sħaħ.

B’kollox huwa lagħab 104 partiti għal pajjiżu fejn anke skorja erba’ goals. Ta’ min wieħed jirrimarka li Skrtel huwa t-tielet player li l-aktar lagħab għal pajjiżu wara Marek Hamsik u Miroslav Karhan. 

Hu lagħab fit-Tazza tad- Dinja 2010 li saret fl-Afrika t’Isfel u fil-Kampjonat Ewropew 2016 li sar fi Franza. 

Il-karriera internazzjo­nali ta’ Skrtel fuq livell ta’ club kienet waħda mill-isbaħ hekk kif kien jilgħab ma’ FC AS Trencin u Zenit Saint Petersburg.

Madankollu l-qabża fil- kwalitá għamilha f’Jannar 2008 meta ngħaqad mal-ġganti Ingliżi Liverpool għas-somma ta’ £6.5 miljun.

Magħhom hu għamel tmien snin fejn lagħab 319-il partita u skorja 18-il goal.

Il-karriera ta’ Skrtel kompliet fit-Turkija fejn ingħaqad ma’ Fenerbache. Fit-tliet snin li għamel fis- Suklu Saracoglu Stadium hu skorja sitt goals f’79 partita. Aktar tard lagħab ukoll fis-Serie A Taljana ma’ Atalanta u Istanbul Basaksehir fit-Turkija. 

Matul il-karriera tiegħu huwa rebaħ il-kampjonat Russu ma’ Zenit u l-League Cup ma’ Liverpool filwaqt li ntgħażel bħala l-Player tas-Sena fis-Slovakkja għal erba’ darbiet. 

Ftit tal-jiem ilu, Skrtel kien f’Malta għall-kamp ta’ taħriġ mat-team tiegħu Spartak Trnava. 

Dawn ħadu sehem fit-Tip Sports Malta 2022 fejn spiċċaw fit-tieni post ta’ din il-kompetizzjoni wara r- reb­bieħa Sigma Olomuc tar-Repubblika Ċeka. Din mhux l-ewwel darba li hu ġie Malta minħabba li ftit tas-snin ilu kien involut mat-team nazzjonali ta’ paj­jiżu f’partita kontra t-team nazzjonali Malti.

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Bħal kull tifel ieħor kont nilgħab il-football ma’ sħabi tal-iskola jew inkella konna niltaqgħu erbat iħbieb fil-ground ta’ Handlova, il-belt fejn twelidt.

Minn dejjem kelli x- xewqa li nkun player tal-f ootball u kien għalhekk li ommi u missieri kienu kitbuni ma’ club fis-Slovakkja bl-isem ta’ Banik Prievidza.

Kien għad kelli biss sitt snin iżda qatt ma ħarist lura jew inkella qtajt qalbi. Minn dejjem smajt mill- coaches li ħarrġuni u nista’ ngħid li fil-11-il sena li qattajt hemmhekk tgħallimt ħafna. 

Kif għedt int stess qatt ma ħarist lura u forsi kien għalhekk li lgħabt ma’ diversi timijiet prestiġjużi Ewropej.

Il-karriera professjonali tiegħu bdiet meta kelli 17-il sena fejn xi scouts mill-club lokali ta’ FK AS Tren­cin kienu ġew jarawni nilgħab. 

Ftit tal-jiem wara rċevejt telefonata li l-coach ta’ dak iż-żmien riedni għall-prova. Kburi ngħid li mort taj­jeb ħafna tant li offrewli kuntratt ta’ tliet snin. Fil-fatt għamilt tliet snin ma’ dan il-club fejn bdejt nistabilixxi ruħi bħala player tal-football. 

Minn hemm ġieni ċ-ċans li mmur nilgħab barra minn pajjiżi fejn ġew għali­ja Zenit St Petersburg.

B’xorti tajba ftit domt sabiex ambjentajt ruħi min­ħabba li fit-team kien hemm ħafna plejers Ċeki u Slovakki u għalhekk apparti li kont naf il-lingwa, bdejt nidra sew. 

Minkejja kollox, il-kbir kien għadu ġej minħabba li fis-sena 2008 ġejt akkwistat minn Liverpool. Dan kien pass kbir fil-karriera tiegħi minħabba li kont se nil­għab f’kampjonat kompetittiv u ta’ prestiġġju.

Dak iż-żmien il-coach kien Rafael Benitez li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-football. Għażilt in-numru 37 u niftakar li l-coach kellu fiduċja kbira fija. 

Niftakar sewwa li waħda mill-aqwa logħbiet li għamilt fil-bidu tal-kar­riera tiegħi f’Merseyside meta lgħabna kontra Chelsea u ġejt ivvutat bħala l-aqwa player tal-logħba. Minn hemm indunajt li kont lest sabiex nikkompeti kontra l-aqwa players fl-Ewropa. 

Kienu tmien snin verament sbieħ f’Anfield fejn laqqgħuni ma’ diversi pla­yers u coaches u li ngħożż­hom kemm indum ħaj. 

Wara karriera qasira ma’ Istanbul Basaksehir, issa nerġa’ ninsab lura f’pajjiżi ma’ Spartak Trnava. 

Semmejt lil Spartak Trna­va. Matul dan l-ista­ġun tinsabu viċin il-leaders Slovan Bratislava. Kemm temmen li kapaċi tirbħu l-kampjonat?

Bħalissa ninsabu t-tieni fil-klassifika, erba’ punti bogħod minn Slovan Brastislava. Nemmen li għandna players ta’ kwalitá u kapaċi jagħmlu d-differenza u għalhekk nemmen li kollox għadu possibbli.

Jien nemmen li importanti li tieħu kollox pass pass. Jekk nibqgħu nagħtu l-massimu tagħna, fiduċjuż li nilħqu t-tragwardi tagħna. 

Semmejt lil Rafael Beni­tez. Dan tak ħafna fiduċja fl-ewwel snin tiegħek f’Anfield. X’tikkummenta?

Iva, il-coach Benitez kien determinanti sabiex nidra mill-ewwel l-ambjent fl-Ingilterra. 

Kien jagħtini ħafna ku­raġġ, kien jidher li kellu fiduċja fija u fuq kollox jien kont nagħmel minn kollox sabiex ma niddiżappuntahx. Huwa dejjem kien irid iktar mingħandi u jien kont nagħti aktar mill-mija fil-mija tiegħi biex filwaqt li nintgħażel fil-formazzjoni inizjali, inkompli ngħin lit-team inbiegħed lill-attakkanti avversarji. 

Nerġgħu nduru lejn din l-esperjenza li għandek f’Mal­ta bħalissa. Kif qed issib ruħek?

Nista’ ngħidlek li din mhux l-ewwel darba li ġejt f’Malta. Ftit tas-snin ilu lgħabt mat-team nazzjonali ta’ pajjiżi proprju fl-Ista­dium Nazzjonali u kont naf x’ambjent se nsib. 

Ninsab kuntent li qie­għed hawnhekk mat-team speċjalment minħabba l- klima sabiħa li għandkom hawnhekk. 

Bħalissa s-Slovakkja mik­sija bis-silġ, hemm ħafna maltemp u kesħa u għalhekk il-kampjonat ikollu jieqaf. Il-grounds tal-ħaxix naturali ma jistgħux jintużaw u għalhekk ħafna mit-taħriġ ikollu jsir fuq turf artifiċjali li żgur mhux ideali.  

Hawnhekk l-atmosfera u t-temp huma ferm differenti u hawn faċilitajiet mill- aqwa. 

Personalment ingħaqadt mal-iskwadra proprju għal- logħba kontra Aalborg u nittama li nagħti l-aqwa tiegħi f’din il-partita filwaqt li nkomplu nieħdu vantaġġ minn din iż-żjara tagħna f’Malta. 

Kif qed tarah il-futur tie­għek?

Illum il-ġurnata għandi 37 sena. Għandi kuntratt ma’ Spartak Trnava sal-aħħar ta’ dan l-istaġun u għalissa qed nimxi ġurnata b’ġurnata imbagħad naraw x’jiġri.

Fil-mument preżenti qed nieħu gost nilgħab il-football u kuntent b’dan it-team, bil-kollegi tiegħi, il-coach u l-membri tal-istaff.

Qed niffoka fuq it-tieni parti tal-istaġun li naf li mhux se tkun faċli għal­kemm ninsabu f’pożizzjoni tajba.

Ekonomija

Sport