It-tennista leġġendarja Ċeka, Martin Navritolova, ma tantx bdiet is-sena fuq nota pożittiva hekk kif ħabbret li għandha żewġ forom ta’ kanċer.
Navratilova ta’ 66 sena, li rebħet il-Grand Slam ta’ Wimbledon għal rekord ta’ disa’ darbiet, żvelat li qed tbati minn żewġ tipi ta’ kanċer fil-griżmejn u fis-sider wara li f’Novembru skopriet limfatika minfuħa f’għonqha.
“Din l-isfortuna doppja hija serja iżda kurabbli,” hija qalet Navratilova li hija miżżewġa lill-eks reġina tas-sbuħija Russa Julia Lemigova ta’ 50 sena.
“Qed nittama għal riżultat favorevoli. Irrid nistqarr ukoll li se nbati xi ftit iżda se niġġieled b’dak kollu li għandi.”
Id-dijanjosi tal-eks numru wieħed fid-dinja li bħalissa qed tgawdi ċittadinanza Amerikana, waslet wara li fl-2010 ingħatat il-ħelsien mill-kanċer tas-sider wara trattament bir-radjazzjoni.
Navratilova, li b’kollox rebħet 59 titlu tas-singles u tad-doubles matu il-karriera tagħha ta’ 40 sena, mhux se tivvjaġġa għall-Open tal-Awstralja ta’ dan ix-xahar, fejn kellha l-ħsieb li taħdem bħala opinjonista tat-televiżjoni.
Iżda stqarrija mir-rappreżentant ta’ Navratilova ddeskriviet il-pronjosi bħala ‘sodisfaċenti’.
“Martina Navratilova ġiet iddijanjostikata b’kanċer tal-griżmejn fl-ewwel stadju. Il-pronjosi hija tajba u Martina se tibda l-kura tagħha dan ix-xahar.
“It-tip ta’ kanċer huwa HPV u dan it-tip partikolari jirrispondi tassew tajjeb għat-trattament. Martina nnotat nodu limfatiku f’għonqha li rriżulta bħala kanċer tal-griżmejn.
“Fl-istess waqt li Martina kienet qed tagħmel it-testijiet għall-griżmejn instabet forma suspettuża f’sidirha, li sussegwentement ġiet iddijanjostikata bħala kanċer, kompletament mhux relatat mal-kanċer tal-griżmejn.
“Dawn iż-żewġ tumuri jinsabu fl-istadji bikrija tagħhom b’riżultati kbar.
“Għaldaqstant, Martina mhux se tkun preżenti għal stazzjoni televiżiv waqt l-Australian Open iżda se tkun tista’ tagħti l-opinjonijiet tagħha permezz ta’ zomm.”