Wednesday, October 9, 2024

Mas-26 membru tal-Korp tal-Pulizija ngħataw medalja għal servizz twil u effiċjenti

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, ippresedew ċerimonja tal-għoti tal-Midalji għal Servizz Twil u Effiċjenti, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana.

26 membru tal-Korp tal-Pulizija u eks membru ngħataw midalja għal servizz twil u effiċjenti li tingħata mat-18-il sena servizz. 10 membri tal-Korp u 4 eks-membri ngħataw l-ewwel clasp li tingħata mal-25 sena ta’ servizz; filwaqt li 28 membri tal-Korp u 2 eks-membri ngħataw it-tieni clasp, li tingħata mat-30 sena servizz.

F’kelmtejn, il-Ministru Byron Camilleri qal li l-messaġġ waħdieni li ried iwassal f’din l-okkażjoni mhux biss f’isem il-gvern, iżda anke f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollu hija l-kelma grazzi għas-servizz twil u effiċjenti tagħhom.

Huwa talab lil dawk il-membri tal-Korp li għadhom iservu sabiex jużaw l-esperjenza tagħhom u jservu ta’ role models għal dawk aktar żgħażagħ fil-Korp tal-Pulizija u jgħaddulom mhux biss l-esperjenzi tagħhom, iżda l-valuri tajbin li għandu jħaddan kull membru tal-Korp.

Il-Ministru Camilleri tenna kif dan il-Gvern, li kien spalla ma’ spalla magħhom sabiex jingħataw drittijiet u kundizzjonijiet bla preċedent, fostom ftehim kollettiv u ftehim settorjali li tejjeb ferm il-kundizzjonijiet tagħhom, u investa fihom u fl-għodda li huma jużaw, ser jerġa’ ikun spalla ma’ spalla magħhom hekk kif għaddeja ħidma sabiex ikomplu jissaħħu l-liġijiet marbuta ma’ vjolenza fuq uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u uffiċjali pubbliċi.

F’diskors tal-okkażjoni l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li din hija ċerimonja speċjali fejn fiha niċċelebraw id-dedikazzjoni, il-lealtà u l- professjonaliżmu ta’ grupp ta’ uffiċjali li ddedikaw snin sħaħ fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta b’servizz ta’ eċċellenza lejn il-poplu Malti u Għawdxi.

“L-uffiċjali li qed jiġu onorati llum jirrappreżentaw fost l-aqwa riżorsa tal-Korp. Intom rajtu lillKorp jgħaddi minn żminijiet ta’ bidla, progress, u sfidi li ma jonqsu qatt. Bqajtu sodi fid-dmir tagħkom biex tipproteġu u sservu. Żgur mhux forsi li xogħolkom għamel lil Malta post aktar sigur.”

Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm fost oħrajn id-Deputati u Assistenti Kummissarji, id-Direttur Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija u s-Segretarju Permanenti Joyce Cassar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport