Saturday, December 21, 2024

Mas-60,000 pazjent se jibbenefikaw mill-introduzzjoni ta’ aktar mediċini bla ħlas

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt konferenza mid-Dipartiment tac-CPSU, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li qabel pajjiżna kien rinomat għax-xemx u l-baħar, iżda issa bir-raġun, pajjiżna qiegħed jiġi rikonoxxut għall-awqa servizzi tas-saħħa anke minn pajjiżi barranin.

Il-Ministru ħabbar li s-sena li għaddiet l-ispiża rikkorrenti vvutata għad-Dipartiment tas-Saħħa kienet ta’ €735 miljun u din is-sena din l-ispiża se tkun qiegħda titla għal €897 miljun. Barra dawn, is-sena li għaddiet, pajjiżna alloka €138 miljun biex jindirizza l-isfidi tal-pandemija tal-Covid-19.

Fejn tidħol l-ispiża kapitali s-sena li għaddiet kien hemm ivvutati €66 miljun u din is-sena din l-ispiża se titla għal €75 miljun. B’hekk fil-qasam tas-saħħa, il-budget mħabbar għas-sena 2022, il-gvern se jkun qiegħed jivvota għas-somma rekord ta’ €972 fis-settur tas-saħħa.

Jiżdiedu l-ħaddiema

Il-Ministru sostna li l-ħsieb huwa li s-servizz ikompli jitjieb u jiżdiedu aktar servizzi. Rigward l-infiq, Fearne qal li parti importanti minn din in-nefqa se tkun iż-żieda fil-ħaddiema varji fosthom professjonisti, infermiera, tobba, spiżjara u anke oħrajn li jaħdmu fl-istores, cleaners, u ħafna oħrajn.

Aktar mediċini bla ħlas

Tkellem dwar il-formularju tal-gvern li m’għadx hawn il-mediċini out of stock u kull min hu intitolat se jieħu dawn il-mediċini. Il-Ministru ħabbar li mis-sena li ġejja se jkunu qegħdin jiġu introdotti mediċini b’xejn b’investiment ta’ €9.9 miljun u li minnhom hu stmat li se jibbenefikaw 60,000 pazjent. Dawn il-mediċini jinkludu dawk tal-fibromyalgia, għall-osteoporosis, EpiPen fl-iskejjel li tista’ ssalva ħajja ta’ tfal li jbatu minn allerġiji severi ħafna, mediċini għaċ-ċirkolazzjoni, mediċini tad-dermatoloġija u mediċini għal trattamenti psikjatriċi. Mis-sena li ġejja wkoll, se jingħataw il-mediċni kollha bla ħlas għal dawk il-koppji li jagħżlu li jagħmlu l-IVF.

Proġetti Kapitali

Minbarra dawn il-mediċini hemm flus allokati għal proġetti kapitali oħra. Dawn se jinkludu titjib fil-Medical Imaging Department f’Mater Dei u CT scanner ġdida f’San Vinċenz. Fl-2022 se jibda l-proċess għal MRI għall-Għawdxin. Titjib fid-Dipartiment tal-Emerġenza biex jirdoppja d-daqs tagħha biex ikun jista’ jingħata servizz aħjar. Investiment fid-Dipartiment tal-kardjoloġija bl-introduzzjoni tat-tielet Cardiac Catheterization Suite. 

Wara xogħol li diġà sar, is-sena li ġejja wkoll se jkun qiegħed jibda l-iskavar tal-bini tal-Out Patients ġdid li se jinkludi f’sitt sulari; l-ewwel sular se jkun venda għall-karozzi tal-linja u l-bqija jinkludu mal-550 post ta’ parkeġġ ġdid.

Rigward is-servizzi fil-komunità, il-Ministru Fearne qal li l-ħsieb huwa li jkun hawn ċentri reġjonali.

Fost proġetti oħra importanti l-Ministru tkellem ukoll dwar xogħol li se jkun qiegħed jibda biex viċin Mater Dei ikun hemm Bank ġdid tad-Demm għall-ħażna tad-demm u t-tessuti.

Ekonomija

Sport