“Fl-2015 l-ispiża tal-Malta Community Chest Fund kienet tinvolvi taħt il-€1 miljun. L-2018 kienet tinvolvi €8 miljuni skorruti. Is-sena l-oħra kienet tinvolvi kważi €20 miljun. Fl-2018 kellna ’l fuq minn 200 pazjent, fejn illum għandna 700 pazjent.” Iddikjara dan il-President tar-Repubblika George Vella waqt li kien qiegħed jirrispondi mistoqsijiet tal-ġurnalisti fl-okkażjoni tal-August Moon Ball fil-Palazz Verdala.
Il-President kompla biex jispjega li kulma jmur, dawk li jirrikorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund dejjem qed jiżdiedu, bl-ispejjeż ta’ pazjent wieħed kapaċi jlaħħqu l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
Flimkien mas-Sinjura tiegħu, Miriam Vella jinsabu determinati li jiġbru l-fondi li hemm bżonn biex jissodisfaw it-talbiet li tirċievi din il-Fondazzjoni minn tant individwi u familji li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi ta’ mard u problemi soċjali li jagħmluhielhom diffiċli biex ikomplu jissieltu s-sitwazzjonijiet varji tagħhom.
Filwaqt li fakkar li meta l-fondi kienu qabdu jmajnaw, kien hemm il-gvern li daħal biex jagħmel tajjeb u rrefera wkoll għal artikli ppubblikati fil-midja li fl-opinjoni tiegħu mhumiex ġusti. Huwa sostna li m’hemm l-ebda benefiċċju fil-fatt li nippruvaw inpenġu lil din il-Fondazzjoni bħala waħda falluta u faħħar lill-Maltin u l-Għawdxin li bla ebda sinjal ta’ waqfien jagħtu milli jistgħu biex jgħinu lil ħaddieħor.
Il-President għalaq jappella lin-nies biex jikkontribwixxu fid-diversi inizjattivi organizzati mill-istess Fondazzjoni biex din tkun tista’ tlaħħaq mat-talbiet ta’ dawk kollha li qed javviċinawha biex din tkun tista’ żżomm il-bibien miftuħa biex tgħinhom kif tista’.