Friday, December 20, 2024

Mason Barun fit-tieni post f’kompetizzjoni internazzjonali tal-Go Karts fi Sqallija

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Is-sewwieq żagħżugħ Mason Barun spiċċa fit-tieni post f’kompetizzjoni internazzjonali tal-Go Karts li saret fiċ-ċirkwit ta’ Pista del Sole fil-belt ta’ Melilli fi Sqallija. Għal din il-kompetizzjoni kien hemm preżenti diversi Maltin, speċjalment dawk dilettanti tal-karozzi.

Barun temm fit-tieni pożizzjoni minn fost 13-il sewwieq fosthom żewġ Maltin oħra Benjamin Piscopo u Mor Zammit Azzopardi. Barun temm it-tiġrija f’ħin ta’ 8:29:817 b’Vito Junior Bigione li rebaħ b’ħin ta’ 8:28:816. Hu kien qed isuq fuq magna Gamoto Kart. Fit-tielet post kien hemm Matteo Bagnato filwaqt li Giuseppe Papillo u Andrea Angel Castro temmew fir-raba’ u l-ħames post rispettivament.

Il-vjaġġ ta’ Mason Barun lejn din il-finali kien wieħed partikolari hekk kif wara erba’ sessjonijiet isuq f’dan iċ-ċirkwit, mal-ewwel impressjona u fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni spiċċa fil-ħames post sabiex fis-sessjoni ta’ qabel il-finali kompla jtejjeb il-livell tiegħu tant li temm fit-tielet pożizzjoni. Sabiex fil-finali, Barun kompla jżid fil-livell tiegħu u spiċċa fit-tieni post, unur għalih, għall-coach tiegħu Gianluca Dingli ta’ GLD Kart Racing u għall-mentor Denis Micallef li tant ħadmu miegħu f’dawn il-jiem qabel din l-attivitá.

Mason Barun ilu jħabbat il-bieb għal dawn l-attivitajiet internazzjonali wara li lokalment rebaħ diversi unuri fosthom il-kampjonat nazzjonali tal-karting, avvenimenti organizzati minn Island Cart Club u attivitajiet oħra relatati ma’ dan l-isport. B’hekk it-tellieqa ta’ Mellili kienet iċ-ċirasa fuq il-kejk għal dan is-sewwieq żagħżugħ li diġa’ kellu sena 2022 mill-aqwa.

Ekonomija

Sport