L-attakkant ta’ Manchester United, Mason Greenwood, se jħalli lill-club bi ftehim reċiproku wara investigazzjoni interna ta’ sitt xhur dwar l-imġieba tiegħu.
Greenwood ġie arrestat f’Jannar 2022 wara allegazzjonijiet dwar materjal li ġie ppubblikat onlajn fuq vjolenza domestika.
L-akkużi kontra l-internazzjonali Ingliż ta’ 21 sena, inkluż attentat ta’ stupru u attakk fiżiku, tneħħew fit-2 ta’ Frar 2023.
Ir-Red Devils qalu fi stqarrija: “Dawk kollha involuti, inkluż Mason, jirrikonoxxu d-diffikultajiet li bih jerġa’ jibda l-karriera tiegħu ma’ Manchester United.
“Għalhekk ġie miftiehem b’mod reċiproku li jkun l-aħjar li ż-żewġ partijiet jinħallu minn xulxin.
“Ibbażat fuq l-evidenza disponibbli għalina, ikkonkludejna li l-materjal li tpoġġa online ma pprovdiex stampa sħiħa u li Mason ma wettaqx ir-reati li dwarhom kien akkużat oriġinarjament.
“Mason stess jirrikonoxxi pubblikament li huwa għamel l-iżbalji u qed jerfa’ r-responsabbiltà għalihom.”
Fi stqarrija, Greenwood aċċetta li kien “għamel bosta żbalji” u qed jerfa’ r-responsabbiltá kollha iżda qal: “Jien ma għamiltx l-affarijiet li kont akkużat bihom.”
Huwa qal: “Id-deċiżjoni kienet parti minn proċess kollaborattiv bejn Manchester United, il-familja tiegħi u jien. L-aħjar deċiżjoni għalina lkoll hija li nkompli l-karriera tiegħi fil-football ‘il bogħod minn Old Trafford, fejn il-preżenza tiegħi mhix se tkun ta’ distrazzjoni għall-club.
“Nirringrazzja lill-club tas-sapport tiegħu mindu ffirmajt seba’ snin ilu.
“Ninsab grat immens lejn il-familja tiegħi u l-maħbubin kollha tiegħi għall-appoġġ tagħhom, u issa huwa għalija li nħallas lura l-fiduċja li wrew dawk ta’ madwari.
“Irrid inkun player aħjar, iżda l-aktar importanti missier tajjeb, persuna aħjar, u li nuża t-talenti tiegħi b’mod pożittiv ġewwa u barra l-ground.”