Tmien persuni nqatlu u mill-inqas 14 oħra ġew midruba fit-tieni sparatura tal-massa fis-Serbja din il-ġimgħa. Dan il-massakru ġara wara li raġel armat spara arma awtomatika minn vettura miexja ħdejn raħal 60 kilometru fin-Nofsinhar ta’ Belgrad.
Rapporti dwar il-każ qalu li raġel ġie arrestat wara tfittxija estensiva mill-pulizija. Is-suspettat, li ġie identifikat biss bl-inizjali tiegħu UB, ġie inqabad qrib il-belt ta’ Kragujevac, qal il-Ministeru tal-Intern.
L-arrest segwa tfittxija estensiva, li l-midja lokali rrappurtat li kienet tinvolvi aktar minn 600 uffiċjal tal-pulizija. Kmieni l-Ġimgħa filgħodu, il-midja Serba qalet li forzi speċjali tal-pulizija kienu waslu fl-irħula ta’ Mladenovac u Dubona, fejn seħħet l-aħħar sparatura.
Ritratti minn fuq il-post urew uffiċjali tal-pulizija jwaqqfu l-karozzi f’diversi postijiet ta’ kontroll hekk kif ippruvaw isibu lir-raġel armat. Fit-tfittxija intużaw ħelikopter, drones u rondi multipli nill-pulizija.
Rapporti fuq il-midja lokali jgħidu li s-suspettat, li għandu 21 sena, beda jispara fuq in-nies b’arma awtomatika wara li l-Ħamis filgħaxija kellu argument ma’ uffiċjal tal-pulizija f’park f’Dubona.
Il-peresuni midruba li ddaħħlu l-isptar huma lkoll żgħażagħ. Tnejn minnhom, ta’ 21 u 23 sena ġew operati minnufih iżda l-qagħda tagħhom għadha kritika.
Il-ministru tas-saħħa, Danica Grujičić, u l-kap tal-Aġenzija tal-Intelliġenza tas-Sigurtà, Aleksandar Vulin, allegatament vvjaġġaw lejn iż-żona fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa.
Nhar l-Erbgħa, tifel ta’ tlettax-il sena qatel b’tiri ta’ pistola tmien studenti sħabu fl-iskola fejn kien jattendi f’Belgrad, kif ukoll gwardjan tas-sigurtà fl-agħar sparatura fis-Serbja f’dawn l-aħħar snin. Dan wassal lill-gvern Serb biex jipproponi restrizzjonijiet aktar stretti dwar il-pussess u l-ġarr tal-armi.
L-isparar tal-massa huma estremament rari fis-Serbja li għandha liġijiet stretti ħafna dwar l-użu tal-armi, iżda r-rata tal-armi fil-pajjiż hija fost l-ogħla fl-Ewropa.
Il-Balkani tal-Punent huma mimlijin b’armi illegali wara l-gwerer u l-inkwiet tas-snin disgħajn. Fl-2019, kien stmat li hemm 39.1 arma tan-nar għal kull 100 persuna fis-Serbja. Fil-fatt, is-Serbja hija t-tielet l-ogħla pajjiż fid-dinja, wara l-Istati Uniti u l-Montenegro dwar l-armi fl-idejn.