Il-president ta’ Juventus Andrea Agenlli ikkonferma li Max Allegri mhux se jitkeċċa wara t-telfa imbarazzanti kontra Maccabi Haifa bl-iskor ta’ 2-0 valida mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League.
Il-bidu negattiv ta’ dan l-istaġun tal-Bianconeri laħaq il-qofol tiegħu nhar il-Ħadd li għadda bit-telfa ta’ 2-0 kontra Milan biex prattikament huma barra mill-isfida għar-rebħ tal-kampjonat Taljan hekk kif jinsabu fit-tmien post fil-klassifika.
It-telfa kontra Maccabi kompliet tesponi l-kriżi tal-Vecchia Signora biex issa huma f’xifer l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni Ewropea.
Dawn iż-żewġ telfiet komplew iżidu l-pressjoni fuq il-coach Massimiliano Allegri biex jitkeċċa mill-kariga tiegħu.
Iżda s-sid ta’ Juventus, Andrea Agnelli xejjen spekulazzjoni li Allegri mhux se jibqa’ fit-tmexxija tat-team:
“Massimiliano Allegri huwa l-coach tagħna u se jibqa’. Ninsab umiljat u rrabjat b’dawn l-aħħar żewġ telfiet. Iżda ma jistax jingħata t-tort fuq persuna waħda. Din hija sitwazzjoni fejn il-grupp kollu jrid iwieġeb għal dan in-nuqqas.
“Irridu nanalizzaw dak kollu li ġara biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni ta’ krizi. Mhijiex kwistjoni teknika jew tattika … sempliċi … dan it-team huwa nieqes mill-qalb u mill-passjoni.
“Nilagħbu wisq bħala individwali u għaldaqstant irridu nerġgħu nkunu bħala team wieħed.”