Friday, November 7, 2025

Massimo Angileri … wieħed mill-aktar referees magħrufa u rispettati fil-qasam tal-waterpolo f’Malta u anke fuq livell Ewropew

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Wara r-riżenja ta’ Mario Dalli bħala President tal-Assoċjazzjoni Maltija tar-Referees tal-Waterpolo (MWRA), il-membri tal-Assoċjazzjoni ddeċiedu li jeleġġu lil Massimo Angileri bħala President interim sal-elezzjoni li se ssir fis-sena 2026. “Kienet deċiżjoni li ma setgħetx tħalli vojt,” qal Angileri f’intervista li ta lil dan il-ġurnal. “Il-membri kollha, inkluż referees esperjenzati li jafu sew kif taħdem is-sistema, bdew iħeġġuni biex nieħu din il-kariga. Tlabt lill-membri kollha, ma kienx hemm xi oggezzjoni, u b’kunsens unanimu aċċettawni.”

Massimo Angileri se jibqa’ wkoll fil-kariga tiegħu ta’ Teżorier sal-2026, filwaqt li Peter Balzan se jkompli bħala Segretarju Ġenerali u Luke Galea se jieħu r-rwol ta’ Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi (PRO). Il-kompożizzjoni l-ġdida tal-MWRA għandha l-għan li tibni qawmien ġdid fil-komunità tar-referees tal-waterpolo f’Malta, billi tinkoraġġixxi l-involviment tal-ġenerazzjoni żagħżugħa u tassigura kontinwità fil-professjonisti li jħaddmu l-isport.

Angileri huwa wieħed mill-aktar referees magħrufa u rispettati fil-qasam tal-waterpolo f’Malta u anke fuq livell Ewropew. Il-karriera tiegħu bdiet f’età żgħira meta beda jservi fil-kampjonati lokali organizzati mill-aqwa klabbs Maltin. Matul is-snin, huwa wera dixxiplina, preċiżjoni u konsistenza fir-rwol tiegħu, kwalitajiet li wasslu biex jintgħażel għal kompetizzjonijiet internazzjonali taħt il-federazzjoni Ewropea tal-għawm (LEN).

Fost il-kisbiet tiegħu, fl-2024 ġie magħżul bħala referee uffiċjali fil-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo, fejn ħadem kemm bħala referee prinċipali kif ukoll bħala VAR referee f’partiti bejn timijiet bħal Slovakkja, Slovenja, l-Olanda u r-Rumanija. Din il-ħatra kienet sinjal ċar tal-fiduċja li LEN għandha fih u tal-kapaċità tiegħu li jimmaniġġja logħob kompetittiv b’mod ġust u b’kontroll sħiħ.

“Meta tagħmel xi logħba barra minn xtutna, bħal fil-Kroazja kontra l-Ungerija jew fil-Kampjonati Ewropej fir-Rumanija, tara kif il-waterpolo huwa apprezzat u kif kull dettall fil-logħob jiddetermina r-riżultat,” spjega Angileri. “Dawn l-esperjenzi jagħmlu l-ħidma tagħna aktar ta’ responsabbiltà, iżda wkoll joffru sodisfazzjon kbir. Taf li kull partita għandha l-istorja tagħha u kull finali dejjem tkun memorabbli bħall-aħħar finali bejn Sliema u Neptunes, jew San Ġiljan kontra Sliema.”

Bħala President interim, Angileri qed jiffoka fuq l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni ġdida ta’ referees, inkluż tliet referees nisa li diġà bdew jikkontribwixxu fil-logħob tal-livell lokali.

“Il-waterpolo huwa sport ta’ tim, u jekk irridu nkomplu niksbu suċċessi, irridu nibnu referees ta’ stoffa u professjonali. Hemm bżonn li nżommu l-livell għoli tal-isport f’Malta u nħeġġu nies żgħażagħ biex jersqu lejn dan il-qasam,” sostna.

Il-komunità tar-referees f’Malta qed tħares lejn din il-qawmien ġdid b’ottimiżmu. Angileri jemmen li konsistenza, professjonalità u rispett għandhom jibqgħu l-prinċipji ewlenin ta’ kull referee, u huwa determinat li jaħdem mal-kumitat u l-membri biex inaqqas il-kunflitti u jżid il-parteċipazzjoni. “Naf li mhux dejjem faċli — hemm min jista’ jaħseb li mhux importanti, jew xi plejers li jippruvaw jagħmlu l-ħajja diffiċli. Imma l-importanti huwa li nibqgħu ġusti u kompetenti, u nuru eżempju tajjeb għal kulħadd,” kompla jgħid Angileri.

Angileri kkummenta wkoll dwar il-ħtieġa li jittieħdu inizjattivi fil-livell edukattiv: “Nistgħu mmorru fl-iskejjel biex inħajru żgħażagħ lejn il-waterpolo u biex nifhmu li r-refereeing mhux biss jagħmel parti mill-logħob, imma jgħin ukoll fil-valuri tat-tim, rispett u dixxiplina. Huwa xogħol li jeħtieġ dedikazzjoni, iżda jekk nagħmlu dan se naraw ir-riżultati fl-isport nazzjonali tagħna.”

Bħala eks referee internazzjonali u figura rispettata, Angileri jemmen li Malta tista’ tħarreġ professjonisti ta’ livell għoli li jirrappreżentaw il-pajjiż b’dinjità u passjoni. Huwa jgħid li l-għan tiegħu hu li jibni struttura sostenibbli u inklussiva fil-komunità tar-referees, sabiex il-waterpolo jibqa’ sport ta’ tim li jagħti suċċessi u li jkun memorabbli għal kulħadd.

“Jien onorat u kburi li naqdi bħala President interim,” temm jgħid Angileri. “Se naħdmu b’kollaborazzjoni, nżommu l-istandards, u nħeġġu aktar nies biex jipparteċipaw. Il-waterpolo f’Malta għandu storja sabiħa, u rridu niżguraw li din tkompli tikber b’referees li jħaddmu l-logħob b’mod ġust u professjonali.”

Massimo Angileri mhux biss magħruf għall-professjonalità tiegħu fuq il-pitch, iżda wkoll għall-kontribut tiegħu fil-promozzjoni u żvilupp ta’ referees ġodda f’Malta. Hu spiss jagħti workshops u pparteċipa f’sessjonijiet ta’ taħriġ għall-uffiċjali żgħażagħ, fejn jaqsam l-esperjenza tiegħu dwar kif jimmaniġġja pressjoni, kif jagħmel deċiżjonijiet ġusti u kif jinżamm rispett bejn plejers u referees.

Barra minn hekk, huwa membru attiv f’attivitajiet komunitarji li jħeġġu lit-tfal u żgħażagħ biex jersqu lejn il-waterpolo. Angileri huwa eżempju ċar li billi wieħed ikun dedikat, professjonali u passjonat, jista’ jagħti impatt pożittiv kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali.

Bl-elezzjoni li se ssir fis-sena 2026, il-komunità tar-referees se tibqa’ b’viżjoni ċara u kontinwità fil-mexxejja tagħha. Massimo Angileri, flimkien mal-kollegi tiegħu, qed jittama li din il-perjodu interim ikun opportunità biex jiżdied il-parteċipazzjoni, it-teknika u r-rispett fil-waterpolo lokali, u biex il-MWRA tkompli tkun punt ta’ referenza għal kwalità u professjonalità fil-logħob.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport