Friday, November 22, 2024

Massimo Moratti żvela li Luciano Moggi ried jingħaqad ma’ Inter qabel il-Calciopoli

Aqra wkoll

L-eks president ta’ Inter, Massimo Moratti, żvela fatt interessanti mill-passat u ddiskuta l-ħidma tal-iskwadra mmexxija Simone Inzaghi f’dan l-istaġun.

In-Nerazzurri bħalissa jinsabu fil-ħames post fil-klassifika tas-Serie A lejn it-tieni nofs tal-istaġun, wara li kellhom bidu negattiv u wara li fallew ir-rebħ tat-titlu fl-istaġun li għadda. 

Inter tilfu ħamsa mill-15-il partita tagħhom fil-kampjonat iżda għamlu biżżej­jed fiċ-Champions League biex kisbu post ir-round tal-Aħħar 16. 

Moratti żvela fatt interessanti li jmur lura għaż-żmien tiegħu fit-tmexxija ta’ Inter fejn jirrigwardja lill-persuna l-aktar kontroversjali fil-football Taljan għal dawn l-aħħar snin, Luciano Moggi. 

“Luciano Moggi ried iħalli lil Juventus biex jiġi ma’ Inter qabel il-Calciopoli.

“Kollox kien jinsab lest biex dan iseħħ wara bosta taħditiet li rriżultaw fil-pożittiv. 

“Forsi din il-mossa ma kinetx tinżel tajjeb mal-partitarji taż-żewġ naħat. 

“Madankollu kollox waqaf ħesrem meta faqqa’ l-każ tal-Calciopoli.”

Huwa semma’ wkoll ix-xogħol u l-ħidma tal-coach Inzaghi mat-team ta’ Inter. 

“It-team immexxi minn Simone Inzaghi diġà huwa b’saħħtu kif inhu u ma nistenniex akkwisti ġodda f’Jannar.”

L-eks president tan-Nerazzurri tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni ta’ Milan Skriniar u l-passi li jmiss għall-club.

“Ma nafx, jiddependi mill-club, naraw x’jistgħu jagħmlu. S’issa marru tajjeb, żammew players b’saħħithom u bnew team denju.

“Inter għandhom ċans li jirkupraw tajjeb fil-kampjonat u  l-logħba li jmiss, dik kontra Napoli, se tkun partita diffiċli minħabba li l-Partenopei huma verament b’saħħithom. 

“Imbagħad in-Nerazzurri għandhom ċans tajjeb ħafna li jgħaddu mir-round fiċ- Champions League kontra Porto … jiddependi wkoll fuq il-forma ta’ Lukaku.”

Fl-aħħarnett, Moratti iddiskuta d-deċiżjoni ta’ José Mourinho li jirrifjuta l-impjieg tat-team nazzjonali Portugiż sabiex jiffoka fuq il-proġett tiegħu ma’ Roma.

“Din kienet għażla personali, José kien kuraġġuż biex jingħaqad ma’ Roma. Huwa professjonali biżżejjed u marbut bil-kuntratt tiegħu mal-Giallorossi … dan jirrifletti l-personalità serja tar-raġel.”

L-ewwel logħba ta’ Inter tal-2023 hija kontra Napoli, nhar l-Erbgħa, 4 ta’ Jannar. Huma ser jiffaċċjaw ukoll lil AC Milan fil-finali tas-Super Cup Taljana, fit-18 ta’ Jannar.

Sport