Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar numru ta’ miżuri ġodda li ser jidħlu fis-seħħ matul ix-xahar ta’ Settembru, xahar impenjattiv bil-ftuħ tal-iskejjel.
Servizz ġdid li se jibda jingħata mit-28 ta’ Settembru huwa l-Park & Ride minn Ta’ Qali, u jibqa’ sejjer lejn ir- Rabat, il-Mosta, in-Naxxar, Mater Dei u l-Università ta’ Malta.
Din hija miżura oħra implimentata fil-pjan Reshaping our Mobility u tingħaqad katina ma’ servizz ta’ park & ride ieħor eżistenti ta’ Raħal Ġdid li beda jopera f’Lulju ta’ din is-sena mill-parkeġġ biswit iċ-ċimiterju tal-Addolorata bil-għan li titnaqqas kemm tista’ l-konġestjoni u tniġġis miċ-ċentri tal-irħula filwaqt li jtaffu’ mill-problema tal-parkeġġ f’żoni kummerċjali u urbani.
Barra minn hekk, ser jiżdied ukoll l-infurzar f’punti strateġiċi madwar il-pajjiż, biex ikun hemm iktar dixxiplina u rispett fit-toroq tagħna.
Miżuri oħra li se jidħlu fis-seħħ f’dan ix-xahar huma –
• Traffic Management Plan speċifiku għall-ftuħ tal-iskejjel li ser jidħol fis-seħħ gradwalment bejn il-15 u d-19 ta’ Settembru.
• Aktar minn 80 uffiċjal tal-infurzar mqassma f’33 lokalità madwar Malta u Għawdex, b’enfażi fuq il-peak hours li huma bejn 06:30 u 09:30 ta’ filgħodu, u bejn 15:30 u 18:30 ta’ wara nofsinhar.
• Estensjoni tas-servizz bla ħlas tat-Tow Truck li jassisti vetturi wieqfa jew każijiet ta’ inċidenti żgħar.
• Evalwazzjoni bir-reqqa tal-permessi eżistenti u dawk il-ġodda marbuta max-xogħlijiet fit-toroq sabiex jitnaqqas l-impatt fuq il-fluss tat-traffiku.
• Bejn is-06:00 u d-09:30 ta’ filgħodu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mhux ser ikunu qegħdin jinħarġu permessi għal xogħlijiet fit-toroq viċin skejjel jew f’żoni traffikuża.
• Dan kollu qed isir b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kunsilli Lokali, sabiex isir pjan effettiv fuq livell reġjonali u lokali.
Il-Ministru Bonett enfasizza l-irwol ewlieni taż-żgħażagħ u l-istudenti li għandhom biex issir bidla fil-kultura ta’ kif nivvjaġġaw. “Din il-firxa ta’ età għandha l-potenzjal li tkun ta’ eżempju għal kif għandna nużaw mezzi ta’ trasport alternattivi għal dawk tradizzjonali u nħeġġiġhom ikunu l-bidla li rridu naraw” saħaq il-Ministru Bonett. Huwa ħabbar li ser jiżdied l-infurzar f’punti strateġiċi madwar il-pajjiż, biex ikun hemm iktar dixxiplina u fuq kollox rispett għar-regoli tat-traffiku biex jiġu evitati inċidenti li jwasslu għal konġestjoni bla bżonn. Huwa temm jgħid li l-għan ewlieni ta’ dawn il-miżuri hu li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq ir-rutina tal-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li titjieb is-sigurtà fit-toroq u l-fluss tat-traffiku.
Il-Kap Eżekuttiv is-Sur Kurt Farrugia saħaq li “Għalkemm is-sajf ta’ din is-sena kien wieħed impenjattiv b’numru ta’ avvenimenti importanti, grazzi għall-pjan ta’ immaniġġjar tat-traffiku u l-preżenza qawwija tal-infurzar irnexxielna nillimitaw il-konġestjoni u nżommu fluss tajjeb fit-toroq tagħna. Dan seta’ jsir biss bis-saħħa tal-impenn u l-kollaborazzjoni tal-partijiet kollha involuti. Hekk kif nidħlu lura fir-rutina skolastika, nibqgħu determinati li nkunu ta’ servizz u li nassiguraw esperjenza aħjar għas-sewwieqa u għall-pubbliku.”
Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, saret preżentazzjoni dettaljata tal-miżuri lill-midja preżenti.