Saturday, December 21, 2024

Mater Dei mhux responsabbli għall-mewt ta’ tarbija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Isptar Mater Dei ma nżammx responsabbli għall-mewt ta’ tarbija li kienet għadha f’ġuf ommha.

Dorianne u Jurgen Stanicic fetħu l-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra s-Supretendent tal-Isptar Mater Dei u t-Tabib Prinċipali tal-Gvern.

Huma żammewhom responsabbli kemm għall-mewt ta’ binthom kif ukoll għall-fatt li tħalliet garża ġol-omm.

Mill-provi li tressqu quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale irriżulta li fi Frar 2011 il-mara kellha appuntament fl-imsemmi sptar imma ma ntuża ebda monitor jew ultrasound.

Erbat ijiem wara marret fi sptar privat għax ma bdietx tħoss it-tarbija tiċċaqlaq u ngħatat parir tmur il-Mater Dei.

Fl-istess sptar tawha l-aħbar traġika li t-tarbija kienet mejta u wara li wellduha l-mara sarulha xi punti għax iċċartet.

Xi jiem ġibdet garża kbira 10ċm b’10ċm mill-parti privata u minbarra li lmentat ma’ l-isptar dwar dan anke talbet raġuni għall-mewt tat-tifla fejn intqal lilha li minħabba nuqqas ta’ ossiġnu.

Kien għalhekk li hija u missier it-tarbija fetħu l-kawża ċivili fejn żammew lill-awtoritajiet responsabbli kemm għall-mewt tat-tifla kif ukoll għall-fatt li tħallitilha garża fiha.

Għalkemm espert mediku mqabbda mill-Qorti ikkonkludiet li l-mewt tat-tarbija ma kinitx naturali imma minħabba nuqqas ta’ intervent f’waqtu, esperti oħra ma qablux.

Kien għalhekk li l-Imħallef Depasquale ikkonkluda li ma ġiex pruvat li l-mewt tat-tarbija kien dovut għal xi nuqqasijiet fl-isptar.

Fir-rigward tal-garża l-imsemmi ġudikant iddikjara li l-awtoritajiet tal-Mater Dei messhom kellhom id-diċenza li ammettew ir-responsabbilta.

Huwa żammhom responsabbli għal dan in-nuqqas u ordna lis-Supretendent tal-Isptar Mater Dei u t-Tabib Prinċipali tal-Gvern biex jagħtu lill-koppja €15,000 f’kumpens.

Ekonomija

Sport