Saturday, November 23, 2024

Tkompli l-kumpilazzjoni tal-każ ta’ Yorgen Fenech… Melvin Theuma jkompli jixhed dwar aktar rekordings

Aqra wkoll

11.45: F’nofsinhar tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-każ fejn Yorgen Fenech jinsab akkużat li kien il-moħħ li qatel lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Illum ikompli jixhed Melvin Theuma, li allegatament kien kompliċi fil-każ iżda li ngħata l-maħfra presidenzjali biex ikun jista’ jikxef id-dettalji dwar dan il-każ.

Se nkunu qegħdin naġġornawkom kontinwament b’mod dirett.

12.27: Melvin Theuma daħal fl-awla, fejn se jkun qed jinstema’ rekording ieħor u jagħti x-xhieda tiegħu dwaru.

Jinstemgħu r-rekordings fil-magħluq għal diversi sigħat

L-Ispettur Keith Arnaud talab li jkun hemm divjett fuq ir-recordings għax jissemmew affarijiet li għadhom taħt investigazzjoni u anke nies li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ. L-avukat ta’ Yorgen Fenech, Gianluca Caruana Curran ma oġġezzjonax u l-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba.

Għalhekk għalissa se jkun qed jinstema’ r-rekording mingħajr ma jiġi rrapportat xejn fuq il-midja. Fil-fatt, l-awla għadha kemm ġiet żgumbrata.

15.50: Wara dawn is-sigħat kollha, issa l-każ se jkompli jinstema’ fil-miftuħ, fejn se jkunu qegħdin jinstemgħu xi rekordings oħra.

Melvin Theuma jkompli jixhed dwar aktar rekordings

Theuma qed jixhed u qal li hu beda jaħseb li t-tliet persuni li huma akkużati bil-qtil jikxfu lilu u huma jieħdu l-maħfra.

Fir-rekordinga, Theuma Jinstema’ jgħid li xi ħadd ħa l-flus mingħandom ukoll, iżda meta mistoqsi qal li ma jiftakarx għal min kien qed jgħid. Madankollu, qal li jħoss li kien qed jirreferi għal Chris Cardona.

Barra hekk, Theuma jemmen li Alfred Degiorgio ħa xi flus mingħand xi ħadd ieħor.

Melvin Theuma reġa’ qal li Yorgen Fenech qallu li sakemm ma jsibux il-mobile tiegħu, allura ma kellux għalxiex jinkwieta u dan b’referenza għad-diskursata ta’ bejniethom.

Semma li Yorgen offrielu flus għal vaganza Londra għax rah li ma kienx qiegħed tajjeb, filwaqt li għamillu kuraġġ ta’ żiemel meta qallu li ma kellux għalxiex jinkwieta.

Theuma qed jgħid ukoll li Yorgen Fenech ġieli semma lill-avukat Arthur Azzopardi li ġabar flus għal Vince Muscat, il-Koħħu. Dan hekk kif l-avukat Azzopardi kien l-avukat tal-Koħħu dak iż-żmien.

Fix-xhieda tiegħu, Theuma qed jirreferi wkoll għal protesta li kellha ssir, iżda ma jiftakarx xi protesta kienet.

Jirreferi wkoll għal Keith Schembri u qal li Yorgen Fenech kien jgħidlu li Keith Schembri kien jgħaddilu l-informazzjoni.

Filwaqt li mhux dejjem qed ikun ċar f’li jgħid, Theuma jixhed li Valletta kien imur għall-Whisky għand Yorgen Fenech.

Għal dawn il-kummenti ta’ Theuma, l-avukat ta’ Yorgen Fenech qed jilmenta u jisħaq li Melvin Theuma aktar qed jagħti opinjonijiet milli fatti.

L-Ispettur Keith Arnaud, kif ukoll l-avukat Jason Azzopardi ma jaqblux ma’ dan.

Min-naħa tagħha, il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li Melvin Theuma jista’ jkompli bix-xhieda tiegħu.

Theuma qed jgħid li moħħu ma kienx qiegħed sew. L-Ispettur Arnaud qed jilmenta li l-avukati ta’ Yorgen qed jipprovaw jiżżufjettaw bix-xhud b’kummenti minn taħt. Il-Maġistrat wissiet li min jgħaddi xi kummenti jeħel disprezz lejn il-Qorti, filwaqt li wissiet li twaqqaf is-seduta.

“Għamilt oġġett li ma kontx tajjeb għalih” – Melvin Theuma

Theuma kompla jispjega li moħħu ma kienx qed iħossu sew u għalhekk Yorgen issuġġerielu biex imur vaganza. Saħaq li spiċċa għamel oġġett li ma kienx tajjeb għalih, u dan b’referenza għall-involviment tiegħu fil-qtil.

Theuma kompla biex jgħid li meta kellu din id-diskursata ma Yorgen ma jafx jekk Valletta kienx għadu assistent Kummissarju. Yorgen kien jgħidlu li Valletta kien imur jgħaddilu l-informazzjoni.

Thuema kompla jgħid li dak iż-żmien kien staqsa lil Fenech jekk Valletta kienx se jitneħħa mill-investigazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u żied jgħid li hu ma xtaqx li dan iseħħ għax kien qiegħed iwasslilhom l-informazzjoni.

Tintemm ix-xhieda ta’ Theuma.

Iben il-vittma jitlob għal audio engineer

L-avukat Jason Azzopardi qal li Matthew Caruana Galizia; iben il-vittma, talab biex jinħatar audio engineer biex ineħħi l-ħsejjes fl-isfond.

Il-Maġistrat qalet li se tiddeċiedi dwar din it-talba f’seduta oħra.

L-Ispettur Arnaud qal li fis-seduta li jmiss jista’ jixhed Yohann Cremona u l-Maġistrat approvat dan. Arnaud qal li anke Adrian Vella se jkun qed jiġi msejjaħ biex jixhed.

Il-kawża differtita għal nhar it-Tnejn illi ġej.

Sport