Il-midfielder internazzjonali Malti Matthew Guillaumier ingħaqad mat-tim tal-ogħla diviżjoni Pollakka, Stal Mielec. Huwa ffirma kuntratt ta’ sentejn bil-klabb iżomm l-għażla li jestendi l-ftehim bi staġun ieħor.
Prodott ta’ St. Andrews, Guillaumier iddebutta fit-tim tal-kbar fl-età ta’ 15-il sena fl-Ewwel Diviżjoni.
Fl-aħħar parti tal-2013 kellu żmien qasir mat-tim Taljan ta’ Empoli qabel ma rritorna Malta biex jilgħab fuq bażi aktar regolari ma’ St. Andrews qabel ma ntlaqa’ għat-tim nazzjonali ta’ Malta ta’ taħt is-17-il sena fil-finali tal-Kampjonat tal-UEFA ta’ taħt is-17-il sena f’ Mejju 2014. Huwa ngħaqad ma’ Birkirkara f’Jannar 2016 iżda ngħaqad ma’ Hamrun Spartans fl-2020. Mal-Ispartans, rebaħ żewġ kampjonati fi tliet snin u ġie vvutat il-Futboler tas-Sena darbtejn.
Matul l-istaġun 2021/22, Guillaumier kellu perjodu ta’ sitt xhur ma’ Siena fis-Serie C Taljana.
L-istaġun li għadda Stal Mielec temmew fil-11-il post fl-Ekstraklasa minn 18-il tim.