Matthew Guillaumier ġie vvutat bħala BOV Plejer tax-Xahar għal Ottubru 2022.
Il-midfielder ta’ 24 sena kellu bidu perfett tax-xahar, meta eżatt wara 3 minuti fil-partita tagħhom kontra Floriana fl-1 tax-xahar, irċieva takkuna b’lura mingħand Roko Prsa u x-xutt qawwi u fil-baxx tiegħu għeleb lill-goalkeeper Georgi Kitanov.
Il-gowl ta’ Guillaumier tmien minuti mit-tmiem kontra Mosta tahom il-vantaġġ ta’ 2-1 biex kisbu t-3 punti li poġġewhom fil-quċċata tal-Kampjonat BOV Premier meta tefa’ l-ballun fix-xibka minn corner ta’ Matteo Fedele mill-lemin.
Il-Ħamrun qed igawdu bidu ta’ l-istaġun mill-aqwa b’sensiela ta’ 10 logħbiet mingħajr telfa fejn il-Captain tal-Hamrun qed juri forma tajba u qed imexxi lit-tim tiegħu lejn ir-rebħ prospettiv ieħor tal-Kampjonat BOV Premier.
Silvio Cassar, Manager tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Ottubru 2022 lil Guillaumier li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan il-premju.
L-Unur tal-BOV Plejer tax-Xahar iżid dimensjoni soċjali mal-impenn tal-Bank of Valletta lejn is-Saħħa u l-Benessri Tajba permezz ta’ donazzjoni monetarja lil organizzazzjoni tal-karità tal-għażla tal-plejer rebbieħ.