Minn Cristian Muscat
Il-vjaġġ ta’ Matthew Guillaumier fil-Greek Super League wasal fi tmiemu aktar kmieni milli kien ippjanat. Il-kapitlu ma’ Panserraikos issa huwa magħluq, bil-kaptan tat-tim nazzjonali Malti jsir uffiċjalment aġent ħieles wara li ttermina l-kuntratt tiegħu mal-klabb Grieg. L-aħbar qanqlet diskussjoni wiesgħa dwar il-futur ta’ wieħed mill-aktar plejers ta’ nofs il-grawnd Maltin stabbiliti u rispettati tal-aħħar snin.
Guillaumier, li għandu 27 sena, kien ingħaqad ma’ Panserraikos fis-sajf li għadda wara żewġ staġuni sħaħ fil-Polonja ma’ Stal Mielec, fejn kien qed jilgħab b’mod regolari fil-kampjonat tal-Ekstraklasa Pollakka. Il-mossa lejn il-Greċja kienet meqjusa bħala pass naturali ’l quddiem fil-karriera tiegħu, opportunità biex ikompli jkabbar l-esperjenza internazzjonali tiegħu u jikkonfronta sfidi ġodda f’kampjonat kompetittiv. Madankollu, kif jammetti hu stess f’intervista li ħalla lil dan il-ġurnal, ir-realtà kienet ferm aktar kumplessa.
“Li nista’ ngħid hu li kemm ili l-Greċja ma kienx perjodu faċli,” jistqarr Guillaumier. “Kien hemm ħafna diffikultajiet, kemm fuq livell professjonali kif ukoll personali. Kelli żewġ injuries li żammewni lura, u dan żgur ma għenx biex insib kontinwità fil-logħob.”
Taħt it-tmexxija tal-kowċ Gerard Zaragoza, il-midfielder Malti lagħab xi logħbiet filwaqt li tilef xi oħrajn minħabba li kien imsejjaħ mat-tim nazzjonali Malti. Mill-banda l-oħra, meta t-tim kien taħt il-kowċ Cristiano Baccihu kien imweġġa’.
Madankollu, l-isfidi ma waqfux biss fil-grawnd. “Kelli ntella’ l-familja kollha miegħi, inkluż il-kelb,” jispjega. “Għaddejt minn perjodu fejn lanqas kelli fejn noqgħod. Dawn huma affarijiet li forsi minn barra ma jidhrux, imma mentalment jagħmlu differenza kbira.” Sitwazzjonijiet bħal dawn, li ħafna drabi ma jidhrux fl-istatistiċi jew fir-rapporti tal-partiti, huma parti mir-realtà tal-futbol professjonali, speċjalment meta plejer ikun qed jopera barra minn pajjiżu.
Il-fattur deċiżiv li wassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt kien wieħed finanzjarju. “Jien xtaqt nibqa’ nilgħab fil-Greċja,” jgħid b’mod ċar. “Imma ma kontx qed nitħallas. Dan huwa klabb professjonali, u naf li f’ċerti pajjiżi jista’ jkun hemm pagamenti li jaslu tard. Però ma ħsibtx li s-sitwazzjoni kienet se tkun daqshekk gravi.” Skont Guillaumier, wara diversi tentattivi biex is-sitwazzjoni tiġi solvuta, id-deċiżjoni li jtemm il-kuntratt kienet inevitabbli. “Għalhekk iddeċidejt li nittermina dan il-ftehim. Kien pass diffiċli, imma meħtieġ.”
Issa, il-midfielder Malti qed iħares ’il quddiem. Huwa mistenni jirritorna Malta fil-jiem li ġejjin, fejn se jieħu ftit żmien biex jivvaluta l-għażliet tiegħu. “Bħalissa ġej Malta u rridu naraw x’se jiġri fil-jiem li ġejjin,” jgħid. “M’għandix kuntratt, allura l-għażliet kollha huma miftuħa.”
Fost dawn l-għażliet hemm ukoll ritorn possibbli lejn il-Malta Premier League. Rapporti indikaw interess minn diversi klabbs ewlenin, b’mod partikolari Ħamrun Spartans, iċ-champions renjanti u l-klabb li miegħu Guillaumier għex wieħed mill-aqwa perjodi tal-karriera tiegħu. Fl-2020, huwa kien ingħaqad mal-Ispartans u rebaħ il-kampjonat fl-ewwel staġun tiegħu u, ftit wara, ġie elett Plejer tas-Sena Malti.
“Hamrun Spartans huwa klabb għal qalbi,” jammetti. “Hemm storja, hemm memorji sbieħ u hemm nies li dejjem emmnu fija.” Madankollu, Guillaumier jibqa’ prudenti. “Onestament ma nafx x’se jiġri. Mhux deċiżjoni li tieħu minn ġurnata għall-oħra.”
Hu jikkonferma wkoll li kien hemm u għad hemm interess minn klabbs barra minn Malta. “Hemm klabbs barranin li jriduni,” jgħid. “Kelli ħafna offerti uffiċjali. Imma kien hemm ukoll fatturi prattiċi li kellhom jiġu solvuti, bħall-mod kif stajt niġi Malta, speċjalment minħabba l-kelb u s-sitwazzjoni tal-familja. Ma stajtx naqbad u nitlaq f’daqqa, kien hemm ħafna ġenn.”
Minkejja li r-ritorn lejn Malta huwa possibbiltà reali, Guillaumier ma jaħbix li x-xewqa tiegħu tibqa’ li jkompli l-karriera tiegħu barra. “Mhux li x-xewqa tiegħi hi li nilgħab Malta,” jispjega b’mod onest. “Jien dejjem xtaqt nilgħab barra, nikkompeti f’kampjonati aktar b’saħħithom u nkompli nikber bħala plejer. Imma fl-istess ħin irrid nieħu deċiżjoni għaqlija, li tkun tajba kemm professjonalment kif ukoll personalment.”
Il-karriera ta’ Matthew Guillaumier hija xhieda ta’ progress kostanti. Minn meta beda jilgħab ma’ St. Andrews ta’ età żgħira ħafna, sal-esperjenza fl-akkademja ta’ Empoli fl-Italja, għall-istint ta’ mexxej li żviluppa ma’ Birkirkara u Ħamrun Spartans, u l-avventuri barra minn Malta ma’ Siena, Stal Mielec u Panserraikos. Fl-istess waqt, huwa baqa’ figura ċentrali mat-tim nazzjonali Malti, fejn illum iġorr ir-responsabbiltà tal-faxxa tal-captain.
Issa, hekk kif jagħlaq kapitlu ieħor fil-karriera tiegħu, Guillaumier jinsab f’mument delikat iżda wkoll mimli opportunitajiet. Bħalissa hu aġent ħieles, b’esperjenza internazzjonali, b’mentalità professjonali u b’ġuħ kbir li jerġa’ jsib stabbiltà u kontinwità hekk kif huwa plejer li żgur se jattira interess sinifikanti fix-xhur li ġejjin.
Kemm jekk il-futur tiegħu jkun barra minn Malta jew fuq grawnd lokali, ħaġa waħda hija ċerta: Matthew Guillaumier għadu ’l bogħod milli jgħid l-aħħar kelma tiegħu. Il-pass li jmiss se jkun wieħed kruċjali, mhux biss għall-karriera tiegħu, imma wkoll għal dawk kollha li jsegwu mill-qrib il-vjaġġ ta’ plejer li dejjem wera determinazzjoni, maturità u mħabba lejn il-flokk li jilbes.



