Fl-aħħar ġimgħat issoktaw l-ispezzjonijiet ta’ rutina tat-traffiku f’diversi toroq madwar Malta u Għawdex.
Dawn il-kontrolli jsiru b’mod regolari f’kull ħin tal-ġurnata – kemm bi nhar kif ukoll bil-lejl – hekk kif il-Korp tal-Pulizija jibqa’ kommess li kemm jista’ jkun jħares s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna, kemm jekk huma sewwieqa, passiġġiera jew persuni mexjin.
F’dawn l-ispezzjonijiet, il-maġġoranza assoluta tas-sewwieqa kienu konformi marregolamenti tat-traffiku, iżda fejn ma kienux, ittieħdet azzjoni immedjata u nħarġu t-taħrikiet kif meħtieġ.
Bejn l-1 u t-30 ta’ Diċembru, b’kollox saru 271 roadchecks fejn fihom twaqqfu 7,932 vettura u nħarġu mal-513-il taħrika u nħarġu madwar 123 akkuża, waqt li 4 persuni nstabu pożittivi li saqu taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Waqt żewġ spezzjonijiet separati, il-Pulizija arrestaw żewġ persuni. F’każ minnhom, il-pulizija nnutaw vettura li ma waqfitx mal-istruzzjonijiet tal-uffiċjali bil-pulizija u beda jsuq perikoluż.
Ftit wara, is-sewwieq abbanduna l-karozza mal-ġenb ta’ triq u aktar tard ġie arrestat. Issewwieq tressaq il-Qorti fejn ammetta l-akkużi bis-sentenza se tingħata aktar ‘il quddiem.
Sewwieq ieħor inqabad isuq bla liċenzja darbtejn fl-istess ġurnata. Huwa wieġeb mhux ħati u ngħata l-ħelsien mill-arrest.
Fost il-kontravenzzjonijiet li nħarġu f’dawn il-jiem, kien hemm lil sewwieqa li nqabdu jsuqu jew mingħajr il-liċenzja jew mingħajr polza tal-assikurazzjoni; li kellhom numru ta’ passiġġiera iktar milli tippermetti li ġġor fil-karozza; u sewwieqa mhux lebsin iċ-ċintorin tas-sigurtà.
Numru ta’ vetturi ġew ukoll irmunkati għax is-sewwieq ma ppreżentax liċenzja valida.
L-ispezzjonijiet tat-traffiku se jkomplu matul il-lejl illi ġej u fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida u jibqgħu għaddejjin matul il-kumplament tas-sena bil-għan li f’Malta u f’Għawdex ikun hawn toroq iżjed siguri.
Fil-fatt, fix-xhur ta’ qabel, bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Novembru, b’kollox saru 2,711-il roadcheck, twaqqfu madwar 58,850 vettura u nħarġu aktar minn 3,300 taħrika, waqt li 43 persuna nstabu pożittivi li saqu taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Minbarra dawn l-ispezzjonijiet, f’diversi lokalitajiet il-pulizija qassmu wkoll materjal edukattiv biex jekk wieħed se jixrob ma jsuqx. Dan il-materjal tpoġġa fost oħrajn fuq vetturi pparkkjati.


