Sunday, December 22, 2024

Matul din is-sena, f’pajjiżna ma’ ġie rrapurtat l-ebda każ ta’ mpox

Aqra wkoll

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ddikjarat it-tifqiegħa tal-mpox li għaddejja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC) bħala Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta’ Tħassib Internazzjonali (PHEIC). Sal-lum, l-uffiċjali tas-saħħa kkonfermaw infezzjoni b’varjant ġdid tal-virus mpox fl-Isvezja u li hija assoċjata mat-tifqiegħa li qed tikber fl-Afrika.

Matul din is-sena, f’pajjiżna ma’ ġie rrapurtat l-ebda każ ta’ mpox.

Ir-riskju għaċ-ċittadini li jivvjaġġaw lejn il-pajjiżi affettwati u li jkollhom kuntatt mill-qrib (ħaddiema tal-kura tas-saħħa, kuntatti domestiċi jew kuntatti oħra mill-qrib u/jew kuntatti sesswali) ma’ komunitajiet affettwati jew li jgħixu fil-pajjiżi affettwati huwa vvalutat bħala moderat. Filwaqt li r-riskju għaċ-ċittadini li jivvjaġġaw lejn il-pajjiżi affettwati li ma jkollhomx kuntatt mill-qrib mal-komunità lokali huwa vvalutat bħala baxx.

L-awtoritajiet tas-saħħa ta’ Malta qed jimmonitorjaw mill-qrib kwalunkwe każ potenzjali. Is-sistemi ta’ sorveljanza ġew imsaħħa biex jinstabu u jirrispondu malajr għal kwalunkwe każ suspettat tal-mpox. Id-dijanjosi bikrija hija kruċjali, u l-pubbliku qed jiġi infurmat dwar l-għarfien tas-sintomi.

Dawk li se jivvjaġġaw lejn pajjiżi affettwati qed jiġu mħeġġa biex jevitaw kuntatt mill-qrib ma’ nies li għandhom raxx li jidher qisu mpox, jevitaw kuntatt ma’ oġġetti u materjali li persuna b’mpox tkun użat. Huwa mħeġġeġ ukoll li wieħed jaħsel idejh spiss bis-sapun u l-ilma jew juża sanitizer tal-idejn ibbażat fuq l-alkoħol.

Jekk għandek sintomi ta’ mpox jew kellek kuntatt mill-qrib ma’ xi ħadd li għandu mpox, kellem lit-tabib tal-familja tiegħek dwar l-ittestjar u t-trattament. Malta tibqa’ viġilanti u impenjata li tipproteġi liċ-ċittadini u lill-viżitaturi mill-epidemija tal-ġidri tax-xadini. Miżuri tas-saħħa pubblika huma fis-seħħ biex jiżguraw dijanjosi u trattament fejn hemm bżonn.

Ekonomija

Sport