Tuesday, April 30, 2024

Matul din is-sena sa issa mietu 1,600 immigrant fil-Mediterran

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Terz ta’ dawk li qasmu kienu interċettati u meħudin lura l-Libja minkejja li mhux meqjus post sigur

Din is-sena, eżattament sal-aħħar ta’ Novembru xejn inqas minn 1,600 immigrant sabu qabarhom fil-baħar Mediterran. Flimkien ma’ dawn hemm ħafna oħrajn li għebu. Din qed titqies bħala waħda mill-agħar snin fejn jidħlu traġedji ta’ immigranti għalkemm f’dawk li huma imwiet ir-rekord jibqa’ fis-sena 2016 meta kienu rreġistrati 5,000 imwiet ta’ immigranti fil-Mediterran.

Minkejja sejħiet għall-passaġġi siguri u biex ikun hemm operazzjoni ta’ salvataġġ immexxija mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif kien hemm ftit tas-snin ilu, din baqgħet ma twettqitx. Jekk wieħed janalizza l-istatistika maħruġa mill-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM ) isib li proprju fi tmien snin bejn is-sena 2014 u s-sena 2021 fil-baħar Mediterran mietu madwar 23,000 persuna.

L-aħħar traġedji fil-baħar Mediterran seħħew proprju ftit jiem ilu meta għerqu 85 persuna f’żewġ inċidenti separati. Żewġ traġedji li prattikament ġew injorati, waqt li traġedja ta’ immigranti fil-fliegu bejn Franza u l-Ingilterra ingħatat attenzjoni kbira.

Voluntier ma’ għaqda umanitarja li tkellem ma’ Talk.mt qalilna li “hemm spjegazzjoni ċara ħafna għaliex traġedja taw kasha u oħra le. Dawk li seħħew fil-Mediteran, seħħew fil-periferija, waqt li dik fil-fliegu bejn l-Ingilterra u Franza seħħet fil-qalba tal-Ewropa, post li għarqiet ta’ immigranti mhumiex daqshekk komuni”.

Matul din is-sena spikka l-fatt li terz ta’ dawk li ttantaw jagħmlu l-vjaġġ ġew interċettati u ttieħdu lura lejn il-Libja. Dan minkejja li hu fatt li dawk li jittieħdu lura lejn il-Libja jerġgħu jintefgħu fid-detenzjoni. Dan apparti li l-Libja mhix meqjus post sigur għall-immigranti. Matul din is-sena fl-Italja daħu 62,943 immigrant li ħafna minnhom qasmu mil-Libja. Kien hemm 30,990 immigrant, jiġifieri wieħed minn kull tlett  immigranti li qasmu mil-Libja, li kienu interċettati u intbagħat lura lejn il-Libja.

Dawn l-immigranti mhux biss intbagħtu f’post li mhux sigur għalihom iżda ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom li japplikaw għall-ażil.

Il-voluntier li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “l-ħidma li qed issir hi dik li nippruvaw nikkonvinċu kemm jista’ jkun pajjiżi jieħdu immigranti billi jinħolqu passaġġi siguri. Sa issa kienu l-Italja li ħadu persuni b’dan il-mod. Fost pajjiżi oħra hemm nuqqas ta’ rieda għal dan. Se nkomplu naħdmu fix-xhur li ġejjin bl-għan li jinħolqu passaġġi siguri u b’hekk jonqsu dawk li ma jarawx triq oħra għajr li jagħmlu l-vjaġġ perikoluż”.

L-istess voluntier qalilna li “fix-xhur u l-ġimgħat li ġejjin se tkompli l-pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea b’rabta mal-għajnuna tagħhom lill-Gwardji tal-Kosta Libjani. Nemmnu li sakemm mhux qed ikunu segwiti id-drittijiet umani fil-Libja u l-immigranti qed jispiċċaw fid-detenzjoni, dan l-appoġġ Ewropew il-Gwardji tal-Kosta Libjani għandu jitwaqqaf”.

Sport