Matul l-inawgurazzjoni tal-entratura l-ġdida tal-uffiċini ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) fil-Belt Valletta, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, tenna li dan l-avveniment huwa ħafna aktar minn inawgurazzjoni, iżda hija ċelebrazzjoni tal-ħidma eċċezzjonali u tal-kisbiet li din l-aġenzija kisbet tul dawn l-aħħar snin.
Bejn Jannar u Settembru 2025, SEM, flimkien mal-awtoritajiet li jimmaniġġjaw il-fondi Ewropej, organizzat 27 sessjoni ta’ informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi madwar Malta u Għawdex, fejn ħadu sehem firxa wiesgħa ta’ parteċipanti, fosthom bdiewa, sajjieda, negozji u organizzazzjonijiet volontarji.
Minn dawn is-sessjonijiet, uffiċjali ta’ SEM kellhom aktar minn 400 laqgħa individwali ma’ klijenti li xtaqu japplikaw għall-fondi Ewropej, wieġbu aktar minn 1,000 talba għall-informazzjoni u għenu fis-sottomissjoni ta’ madwar 120 applikazzjoni – riżultati li jixhdu l-impenn kontinwu u l-professjonalità tat-tim ta’ SEM.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li “SEM illum tkompli tkun il-wiċċ uman tal-fondi Ewropej billi tagħti direzzjoni, appoġġ u opportunitajiet lil kull min irid jagħmel differenza.” Huwa żied li l-ħidma tal-aġenzija qed tkompli ssaħħaħ il-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet permezz ta’ komunikazzjoni u kollaborazzjoni kontinwa.
Il-Ministru rringrazzja wkoll lill-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa. u lit-tim kollu għall-ħidma kontinwa tagħhom, filwaqt li faħħar il-fatt li din is-sena l-aġenzija rebħet il-Premju ta’ Kwalità tas-Servizz Pubbliku 2025 u ntgħażlet biex tirrappreżenta lil Malta fil-European Enterprise Promotion Awards li se jsiru f’Copenhagen f’Novembru li ġej.
“Il-fondi Ewropej jibqgħu għodda essenzjali biex inkomplu nibnu pajjiż aktar b’saħħtu, kompetittiv u soċjalment ġust. Permezz ta’ SEM, dawn il-fondi qed jaslu għand il-familji, in-negozji u l-komunitajiet tagħna b’mod effettiv, trasparenti u sostenibbli,” temm jgħid il-Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM, Rodrick Zerafa, qal, “Din l-entratura l-ġdida għall-uffiċini ta’ SEM tirrifletti l-mod kif inservu lil kull min ifittex is-servizzi tagħna. Aħna nfittxu li mill-binja li noperaw minnha noffru ambjent ta’ appoġġ, ta’ fiduċja u kollaborazzjoni. Se nibqgħu naħdmu biex kull organizzazzjoni u individwu jħossuhom milqugħa u megħjuna biex jużaw l-opportunitajiet tal-fondi Ewropej bl-aħjar mod.”