Matul il-lejl li ġej mistennija li jidhru ħafna stilel feġġejja. Dan intqal mis-sit it-Temp Madwarna hekk kif f’dan il-perjodu tas-sena, l-attenzjoni ta’ bosta ddur lejn is-smewwiet hekk kif matul dawn l-iljieli (speċjalment bejn is-01.00 u l-04.00) jintlaħaq il-qofol ta’ ‘xita’ ta’ meteoriti f’dak li jkun spettaklu naturali mistenni.
Is-sit ikompli jgħid li dan hu appuntament annwali madwar id-dinja kollha magħruf bħala l-’Perseids meteor shower’, minħabba li l-kwiekeb feġġejja jidhru ħerġin proprju mill-kostellazzjoni ta’ ‘Perseus’.
“F’dan iż-żmien tas-sena, id-dinja tidħol f’żona spazjali li għad fiha diversi fdalijiet minn kometa u malli dawn jinġibdu mill-atmosfera tad-dinja, jaqbdu minħabba l-veloċità qawwija u joħolqu linji/strixxi fis-sema mudlam,” temmew jgħidu l-amministraturi tas-sit.
Matul il-lejl li ġej u ta’ wara mistennija jidhru ħafna stilel feġġejja din is-sena minħabba l-assenza tal-qamar u sema ċar u mingħajr sħab.
Temp Madwarna jirrakkomanda postijiet ideali minn fejn jistgħu jitgawdew jinkludu l-Fawwara (limiti tas-Siġġiewi), Miġra Ferħa, il-Kunċizzjoni, Fomm ir-Riħ u l-irdumijiet tal-Baħrija (limiti tar-Rabat), l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, lejn it-Torri l-Aħmar (limiti tal-Mellieħa) u Ta’ Ċenċ (limiti Ta’ Sannat) u d-Dwejra f’Għawdex minħabba li huma l-iżjed postijiet mudlama li fadal f’pajjiżna.