Tuesday, May 13, 2025

Matul is-sena li għaddiet twettqu aktar minn 100 operazzjoni robotika fl-Isptar Mater Dei

Aqra wkoll

Permezz tal-introduzzjoni tal-kirurġija robotika fl-Isptar Mater Dei, matul is-sena li għaddiet saru 104 intervent biex jiġi trattat mard tal-kanċer li jaffetwaw il-pajp tal-ikel, l-istonku, il-frixa, l-musrana u l-prostata. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

Il-Ministru Abela spjega kif kirurġija robotika hija l-aħħar teknoloġija fil-qasam tal-operazzjonijiet li qed tittrasforma l-mod kif il-kirurgi qegħdin joperaw fuq il-pazjent. Tenna kif l-użu ta’ kirurġija robotika wassal għal tnaqqis fir-rati ta’ kumplikazzjonijiet u tħaffef l-irkupru, filwaqt li ġew faċilitati interventi f’postijiet li diffiċli biex jintlaħqu mingħajr ma ssir qasma kbira.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif is-sena li għaddiet sar investiment ta’ madwar  miljun ewro biex isiru dawn l-interventi permezz tal-kirurġija robotika. Saħaq kif in-numri ta’ interventi kull sena qed jiżdiedu u l-għan hu li fi żmien sentejn jilħqu l-potenzjal sħiħ ta’ 300 intervent fis-sena.

Il-Ministru Abela spjega wkoll kif matul din is-sena ser jiżdied l-aċċess għal dixxiplini ġodda bil-kirurġija robotika. Il-Ministru tenna li jixtieq jara lil pajjiżna ikun fuq quddiem fil-kirurġija robotika għall-obeżità. Huwa kkonferma li din is-sena mistennija jibdew ukoll interventi tal-ġinekoloġija u l-ENT, bil-baġit allokat jiżdied b’aktar minn kwart ta’ miljun ewro.

“Nirringrazzja lil professjonisti kollha li huma kruċjali biex dawn l-interventi bil-kirurġija robotika jkunu possibbli. Nawgura li ’l quddiem mhux biex inżidu dawn l-interventi, iżda kommessi li nkomplu ninvestu f’tagħmir ġdid biex nkomplu ngħinu lill-pazjenti Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Min-naħa tiegħu, Dr Clifford Caruana, Chairperson Kliniku fid-Dipartiment tal-Kirurġija Ġenerali u Vaskulari, qal kif il-kirurġija robotika toffri vantaġġi kbar għal pazjent. Fosthom tnaqqas kemm jintilef demm waqt l-operazzjoni, tqassar iż-żmien ta’ rkupru peress li jintużaw qasmiet żgħar fil-ġisem, kif ukoll l-uġigħ ta’ wara l-intervent ikun ħafna inqas.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport