“Tul is-snin ir-raħħal permezz ta’ għajnuna mingħand il-gvern, għamlu investimenti kbar sabiex irabbu l-bhejjem tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet”. Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għas-sajd, l-akwakultura u d-drittijiet tal-annimali Alicia Bugeja Said fil-Jum Dinji tal-Ħalib.
Bugeja Said kompliet biex tirringrazzja lir-raħħala tal-impenn tagħhom sabiex jibqgħu jwasslu ħalib frisk ta’ kuljum lill-poplu kollu.
Il-kitba ta’ Bugeja Said segwiet oħra li qajmet reazzjoni ta’ delużjoni mill-istess raħħala. Dan hekk kif fi stqarrija maħruġa aktar kmieni, fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali ġew elenkati punti li xejn mhuma ta’ ġid għas-settur li qiegħed jitħabat quddiem bosta sfidi bħalma huma żieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-għalf.
Fl-aħħar jiem f’kumment lil Talk.mt, Vince Parnis li jservi fir-rwol ta’ Farm Services Manager fil-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib (KPH) qalilna li r-raħħala Maltin u Għawdxin ma jistgħux ikampaw mingħajr is-sostenn tal-konsumatur. Huwa kkwota statistika inkwetanti li turi l-età medja tar-raħħala qiegħda togħla u li jeħtieġ li nattiraw aktar żgħażagħ lejn dan is-settur. Huwa sostna li tkun ħasra kbira jekk naslu f’punt li lit-turisti li jżuruna ma jkollniex prodott Malti x’noffrulhom.