Saturday, February 8, 2025

Matul l- 2024 saru mat-62,635 intervent fl-Isptar Mater Dei

Aqra wkoll

Waqt attività fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ltaqa’ mal-istaff operatorju ta’ dan l-isptar li jinkludu radjoloġi, kardjoloġi, kirurgi minn speċjalitajiet varji, anestetisti, infermiera u radjografi. Il-ministru, akkumpanjat mill-istaff amministrattiv tal-isptar, tenna l-apprezzament tal-gvern għall-ħidma u d-dedikazzjoni li wasslu sabiex fis-sena 2024, saru 62,635 intervent f’dan l-isptar. Il-Ministru Abela spjega li fis-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ 6% (3,812) fin-numru ta’ interventi li saru. 

Waqt il-laqgħa saru diversi interventi mill-professjonisti fejn ġew diskussi pjanijiet u suġġerimenti għal operat aktar effiċjenti. Il-Ministru Jo Etienne Abela ħeġġeġ lill-professjonisti sabiex ikun hemm aktar djalogu mal-kollegi fil-Kura Primarja, sabiex kemm jista’ jkun aktar kundizzjonijiet jiġu trattati fil-komunità. Il-ministru wiegħed li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi għandha tgħin f’dan ir-rigward.

Mistoqsi dwar l-espansjoni tal-infrastruttura fl-Isptar Mater Dei, il-ministru reġa’ spjega l-proġett tat-tkabbir tad-Dipartiment fl-Emerġenza, id-Dipartiment tal-Kura Intensiva, id-Dipartiment tar-Radjoloġija, id-Dipartiment tal-Kardjoloġija, tkabbir tat-taqsima tal-ostetrija u l-NPICU, l-espansjoni ta’ sodod u teatri fi swali ġodda, kif ukoll il-koperazzjoni mas-settur privat għandha twassal għal servizz fejn il-pazjent jirċievi kura f’waqtha.

Il-ministru u l-ħaddiema amministrattivi laqgħu diversi suġġerimenti għal titjib fl-operat. Dawn jinkludu l-ingaġġar ta’ aktar speċjalisti wara li jkunu waslu għall-età tal-irtirar, tibdil ta’ tagħmir operatorju, estensjoni tal-kirurġija robotika u sistema aktar komprensiva għall-appuntamenti fid-Dipartiment tal-Outpatients.

“Għan-nom tal-pazjent u l-gvern, nirringrazzja lill-professjonisti tar-riżultati u dan ir-rekord ġdid. Il-ministeru jibqa’ kommess li joffri kull għajnuna biex nilħqu miri aktar ambizzjużi”, temm jgħid il-Minisrtu Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport