B’ċiklisti bħal Maurice Formosa, li din is-sena għadu bla telfa, Stefan Scerri, Jason Vella u Mark Bonnici, kien inevitabbli li r-rebbieħ tal-Kategorija Elite Male ma kienx ser jiġi deċiż fl-ewwel dawra tat-tellieqa li seħħet fil-Park tal-Majjistral nhar il-Ħadd li għadda.
Mill-ewwel, Stefan Scerri ħa l-vantaġġ b’Maurice Formosa, Jason Vella, Mark Bonnici, Brandon Sultana u Luke Borg, jsegwuħ mill-qrib fil-grupp ta’quddiem, b’kollha jimmiraw li jieħdu l-pożizzjoni fuq quddiem fil-passaġġi dojoq.
Matul it-tellieqa kien hemm diversi bidliet fil-post bejn Formosa, Scerri u Vella. Madankollu sad-dawra ta’ qabel tal-aħħar kien evidenti li Formosa kien ser jkompli bil-ġirja bla telfa tiegħu. Warajh Scerri u Vella ma kinux qed jaqtgħu qalbhom faċilment. Fit-tieni post spiċċa Scerri. Id-determinazzjoni ta’ Vella li jassigura post tal-podju wriet fl-aħħar ftit metri tat-tellieqa, meta panċer għedditu li jieqaf. Determinat bħal qatt qabel, Vella ġarr ir-rota fuq spalltu biex ġera lejn it-tmiem, eżatt qabel Mark Bonnici u Mark Zammit, li t-tnejn taw tellieqa tajba. Zammit kellu jħabbat wiċċhu maċ-ċiklisti ta’quddiem, u ħadem ħafna biex jersaq iktar viċin tal-ewwel ċiklisti. Hu rnexxilhu jegħeleb lil Sultana u Borg biex spiċċa fil-ħames post wara Bonnici.
Fil-Kategorija Sport, Robert Zammit ħareġ fuq quddiem segwit minn Etienne Cutajar u Christian Zammit. Madankollu, fi tmiem l-ewwel dawra kien Cutajar li mar fuq quddiem u baqa’ sejjer biex jirbaħ il-kategorija. Hu kien segwit minn Robert Zammit u Christian Zammit fit-tieni u t-tielet post.
Il-Kategorija 40’s rat lil Justin Gauci ikompli s-sensiela tar-rebħ tiegħu, minkejja li Stephen Grima u Domenic Cutajar ħadu l-vantaġġ fid-dawra tal-bidu. Il-kumplament tat-tellieqa rriżultat f’battalja bejn Gauci u Grima, b’Gauci jisprintja lejn il-linja finali tliet sekondi biss qabel Grima.
Il-Kategorija Ladies rat l-akbar numru ta’ parteċipanti għal dan l-istaġun. Marie Claire Aquilina ħarġet rebbieħa, segwita minnDiana Muscat, li hi wiċċ ġdid f’dan il-kampjonat. Lara Buttigieg kellha taħdem ħafna biex twaqqaf it-tentattivi ta’ Fiona Tedesco biex tieħu t-tielet post fuq il-podju.
Il-Kategorija 50+ rat lil Raphael Fenech Adami u Enrico Brandamante jisfidaw lil xulxin b’dan tal-aħħar jirbaħ il-kategorija.
Fit-tellieqa ħadu sehem ammont sostanzjali ta’ sewwieqa żgħażagħ, b’Ryan Gatt (U17), Liam Daly (U15 Boys), Ziija Fuji (U15 Girls), Neil Cassar (U12 Boys) u Nina Debono Curmi (U12 Girls) jieħdu l-ewwel post fil-kategoriji rispettivi tagħhom.
“Dawn it-tip ta’ tlielaq qatt ma jonqsu milli jagħtu spettaklu ta’ adrenalina. Il-korsa f’Majistral hija mgħarufa għal korsiji dojoq li jagħmilha aktar ta’ sfida għall-parteċipanti li jkollhom jissieltu biex jiżguraw post fuq quddiem” irrimarka Pierre Zammit Endrich, President – Malta Mountain Bike Association.
Iċ-Cisk 0.0 MMBA Cross Country National Point Series hija sponsorjata mill-birra mingħajr alkoħol Cisk 0.0, Gatorade, u San Michel u appoġġjata mill-Malta Cycling Deal u Noel Vella Engineering Works. L-Assoċjażjoni tirringrazzja lill-Majjistral Park u lill-Pulizija tal-Komunità għall-għajnuna imprezzabbli tagħhom.
L-avveniment li jmiss li se torganizza l-Assoċjazzjoni huwa l-Kampjonati Nazzjonali Cisk 0.0 Cross Country, li se jsiru fil-Miżieb nhar il-Ħadd 5 ta’ Ġunju.
Aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti tal-Assoċjazzjoni tinsab fuq www.maltamountabike.org.mt