Sunday, December 22, 2024

Mawra suċċess f’Ruma mill-Banda Vittoriosana San Lawrenz

Aqra wkoll

Kontinġent ta’ 120 persuna li kien jinkludi l-Banda Vittoriosana San Lawrenz għadu kemm għamel mawra f’Ruma bħala parti minn Ġita Lawrenzjana b’mawriet f’Amaseno, il-Basilica ta’ San Lorenzo Fuori le Mura u l-Vatikan.

It-Tnejn 24 t’April saret żjara fil-Belt ta’ Amaseno, li hija tant magħrufa mal-Lawrenzjani madwar id-dinja, għax fiha tinsab ir-relikwija tad-Demm ta’ San Lawrenz.

Mal-wasla f’Amaseno il-grupp intlaqa mis-Sindku u l-Awtoritajiet Ċivili u ekkleżjastiċi lokali, kif ukoll mill-banda tal-lokal. Hawnhekk, il-Banda Vittoriosana San Lawrenz ingħaqdet mal-Banda ta’ Amaseno u flimkien daqqew numri ta’ marċi fil-Pjazza tal-lokal fejn wara waslu sal Knisja lill-awtoritajiet fejn hemm ivvenerat id-Demm ta’ San Lawrenz.

Fil-knisja kien hemm programm qasir fejn kulħadd seta’ jara mill-qrib din ir-relikwija li nħarġet minn niċċa speċifikament għal din l-okkażjoni. Is-Sindki rispettivi taw il-kelma li ser jibdew il-proċess sabiex jiġi ffirmat ġemellaġġ bejn il-Belt Vittoriosa u Amaseno.

It-Tlieta 25 ta’ April fl-okkażjoni tal-Ġurnata Internazzjonali Lawrenzjana l-Banda Vittoriosana San Lawrenz esegwiet Programm Mużikali taħt id-direzzjoni tas-Surmast Jonathan Abela fil-pjazza ta’ quddiem il-Bażilika ta’ San Lorenzo Fuori le Mura fejn laqgħet lil diversi rappreżentanti ta’ Komunitajiet Lawrenzjani minn madwar id-dinja.

Wara sar l-ingress uffiċjali tal-komunita Vittoriosana fil-Bażilika, inkluż il-banda, li daqqet l-Innu Popolari lil San Lawrenz komposizzjoni ta’ Lorenzo Galea fuq il-qabar ta’ San Lawrenz fejn wara beda Pontifikal Solenni. Wara nofsinhar l-Banda daqqet marċi brijużi fil-Chiesa Rettoria San Lorenzo in Panisperna, il-post eżatt fejn San Lawrenz ingħata l-martirju.

Iżda żgur li l-aktar Jum li ser jibqa’ mnaqqax b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz huwa dak tal-Erbgħa 26 ta’ April.

Il-Banda Vittoriosana San Lawrenz laqgħet lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru ghall-Udjenza Ġenerali bl-Innu Marċ “Ċentinarju” komposizzjoni tal-ex Surmast tal-Banda Paul Schembri. Filwaqt li esegwiet diversi innijiet u marċi fosthom l-Innu Marċ lil San Lawrenz ta’ Giuseppe Frendo u l-Innu Popolari.

Fi tmiem l-udjenza l-Kumitat tas-Soċjeta Mużikali San Lawrenz flimkien mal-Banda, l-Arċipriet l-Kanonku Carmelo Busuttil u s-Sindku s-Sur John Boxall u membri tal-Kumitat organizattiv iltaqghu mal-Kap tal-Knisja Kattolika fejn hadu ritratt kommemorattiv. L-Arcipriet ppreżenta s-somma ta’ sitt elef ewro lill-Papa Franġisku, biex b’din is somma sabiħa jinxtara strument mediku għal-ittestjar tal-għajnejn u li ser jintuża fil-Klinika “Madre della Misericordia, klinika tal-Papa Frangisku fejn fiha t-tobba tiegħu jieħdu ħsieb il-ħajja tal-fqar.

L-Arcipriet wettaq ukoll zjara ta’ kortesija fil-klinika  fejn inghata merħba mil-Prefett tad-Dikasteru tal-Karitajiet tal-Papa, l-Kardinal Konrad Krajewski kif ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-istess klinika Dott. Massimo Ralli. Dan kollu kien possibbli bl-għajnuna tal-Ambaxattur għas-Santa Sede s-Sur Frank Zammit.

Ekonomija

Sport