Il-coach ta’ Juventus Massimiliano Allegri qal li l-futur tat-team nazzjonali Taljan huwa sabiħ wara li Nicolo Fagioli mmarka l-bidu tiegħu fis-Serie A b’goal f’rebħa kruċjali fid-derby tal-Italja hekk kif għelbu lir-rivali eterni, Inter, bl-iskor ta’ 2-0.
Fagioli temm azzjoni ta’ kontrattakk tal-Bianconeri meta għeleb lil Andre Onana biex għen lill-Juventini jaqbżu lin-Nerazzurri fil-klassifika biex telgħu fil-ħames post tal-klassifika.
Minbarra li aċċerta r-rebħa permezz tal-goal tiegħu li wasal fl-84 minuta wara li Adrien Rabiot (52) fetaħ l-iskor , Fagioli ħoloq żewġ ċansijiet u temm 93% tal-passes tiegħu liema rata hija waħda għolja.
Mistoqsi jekk Fagioli kienx jistħoqqlu jissejjaħ għall-Italja, Allegri faħħar liż-żagħżugħ ta’ 21 sena u qal li
l-players regolari tat-team, li kienu neqsin għal din il-partita, iridu jikkompetu miegħu kif ukoll mal-kollega żagħżugħ tiegħu, Fabio Miretti.
“Trid tistaqsi lil [Roberto] Mancini,” qal Allegri. “Ħaġa ċerta, nemmen li t-team nazzjonali għandu futur importanti bi players żgħażagħ b’saħħithom li jridu jikbru, mhux biss ma’ Juventus.
“Hemm grupp tajjeb biex tiffaċċja l-affarijiet bl-aħjar mod fis-snin li ġejjin. Fagioli u Miretti huma żewġ stilel tal-futur … iżda jridu jitħallew jieħdu pjaċir jilagħbu.
“Kull ħin se jilagħbu inqas tajjeb, huwa normali, iżda għandhom igawdu dan il-mument fis-serenità.”