Is-sewwieq Olandiż, Max Verstappen, rebaħ il-Grand Prix tal-Awstralja li kien wieħed kaotiku u kontroversjali u li spiċċa bis-safety car wara li kellu jerġa’ jsir it-tluq minħabba li affettwat minn ħabta.
Is-sewwieq tar-Red Bull għeleb lil dak tal-Mercedes, Luis Hamilton u lil dak ta’ Aston Marin, l-Ispanjol Fernando Alonso.
Dan minkejja li Alonso ntlaqat mill-Ferrari meta reġgħet issoktat it-tiġrija wara li reġgħet ħarġet is-safety-car meta kien fadal żewġ dawriet għat-tmiem.
Skont ir-regolamenti tal-FIA, il-pożizzjonijiet tat-tmiem ittieħdu mill-aħħar tluq, bil-karozzi mbagħad ikollhom ilestu l-aħħar dawra wara s-safety car.
Biex tkompli l-kontroversja, Carlos Sainz tal-Ferrari ingħata penali ta’ ħames sekondi talli kkawża l-ħabta deċiżiva fl-ewwel kantuniera mal-karozza ta’ Alonso, biex b’hekk u temm fit-12-il post wara li daħal fir-raba’ pożizzjoni.
Sainz emozzjonat iddeskriva dik id-deċiżjoni bħala “inaċċettabbli.”
Intant, Verstappen irreġistra ħin ta’ 2:32:38.371 biex għeleb lil Hamilton b0.179 sekondi.
Fir-raba’ post temm il-Kanadiż, Lance Stroll (Aston Martin), segwit mill-Messikan Sergio Perez (Red Bull), il-Britanniku Lando Norris (McLaren), il-Ġermaniż Nico Hulkenberg (Haas) u l-Awstraljan Oscar Piastri (McLaren).
Il-klassifika hija: 69 – Max Verstappen; 54 – Sergio Perez; 45 – Fernando Alonso; 38 – Lewis Hamilton; 20 – Carlos Sainz.