Iċ-champion mondjali tal-Formula 1, Max Verstappen (Red Bull) rebaħ il-Grand Prix tal-Azerbaijan fiċ-ċirkwit għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu. Huwa rreġistra ħin ta’ 1:34:05.941.
Il-kollega tiegħu, il-Messikan Sergio Perez temm fit-tieni post, b’George Russell fuq Mercedes jispiċċa fit-tieliet post. Intant, din kienet ġurnata diżastruża għal Ferrari hekk kif iż-żewġ sewwieqa tagħhom Carlos Sainz u Charles Leclerc kellhom jirtiraw fid-disa’ u fl-20 dawra rispettivament, Sainz minħabba problemi fis-sistema tal-brakes tal-karozza msejħa DNS filwaqt li Leclerc minħabba problema fil-magna.
Dan filwaqt li kompla l-istaġun diżappuntanti ta’ Lewis Hamilton li fuq Mercedes seta’ jtemm biss fir-raba’ post. Pierre Gasly fuq AlphaTauri spiċċa fil-ħames post segwit minn Sebastian Vettel fuq Aston Martin. Fernando Alonso fuq Alpine temm fis-seba’ post segwit minn Daniel Ricciardo fuq McLaren. Lando Norris fuq McLaren temm fid-disa’ post b’Esteban Ocon fuq Alpine itemm fl-10 post.
Fil-klassifika Max Verstappen saħħaħ l-ewwel post (150 punt) segwit minn Perez (129), Charles Leclerc (116), George Russell (99) u Carlos Sainz (83).