Sunday, April 6, 2025

Max Verstappen jirbaħ il-Grand Prix tal-Ġappun għar-raba’ darba konsekuttiva

Aqra wkoll

Max Verstappen rebaħ il-Grand Prix tal-Ġappun, għar-raba’ darba konsekuttiva fil-karriera tiegħu u wara li beda din it-tellieqa mill-pole position. Din kienet ukoll l-ewwel rebħa għalih matul dan l-istaġun. B’hekk huwa naqqas id-distakk minn mal-leader tal-klassifika Lando Norris. Dan hekk kif Norris issa għandu 62 punt wara tliet tiġrijiet, b’Verstappen punt biss warajh b’61 punt u Oscar Piastri jisnab fit-tielet post b’49 punt.

Verstappen bena vantaġġ tajjeb fil-bidu tat-tellieqa, li fiha beda mill-pole position. Warajh spiċċaw Lando Norris u Oscar Piastri fuq McLaren. Matul it-tellieqa, għalkemm il-McLaren ippruvaw ilaħħqu mar-Red Bull, fl-ebda ħin Verstappen ma deher taħt pressjoni kbira li seta’ jitlef postu.

Charles Leclerc fuq Ferrari spiċċa fir-raba’ post filwaqt li warajh daħlu George Russell u Andrea Kimi Antonelli fuq Mercedes. Ta’ nota huwa l-fatt li Antonelli kiser rekord ġdid meta sar l-iżgħar sewwieq li qatt kien quddiem f’tellieqa tal-Formula 1. Dan għalkemm kellu xi pressjoni minn Lewis Hamilton, xorta waħda rnexxilu jżomm l-ewwel post qabel ma kellu jagħmel pit stop.

Hamilton ksieb riżultat ieħor diżappuntanti meta daħal wara Antonelli fis-seba’ post. Isack Hadjar fuq Racing Bulls, Alex Albon fuq Williams u Ollie Bearman fuq Haas segwew għall-ewwel għaxar postijiet u kisbu l-punti.

Intant, wara t-tellieqa, ir-rebbieħ Max Verstappen stqarr li jinsab kuntent ħafna b’din ir-rebħa li kienet waħda diffiċli u li kienet mgħejjuna bis-sħiħ mill-fatt li bdieha mill-pole position.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport