Thursday, October 23, 2025

Maya Lucia … b’determinazzjoni, dixxiplina u passjoni, qed tagħmel passi kbar biex isimha jibqa’ magħruf mhux biss f’pajjiżna, iżda wkoll fl-Ewropa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Maya Lucia se tkun qed tkompli l-karriera tagħha ma’ Apollon Ladies, wieħed mill-klabbs ewlenin fil-futbol tan-nisa f’Ċipru. Minn meta bdiet tgħix il-ħolma tagħha fil-logħob professjonali, Maya ma waqfitx tiżviluppa u tagħmel pass ‘il quddiem kull staġun minn Malta sal-Italja, il-Kroazja u l-Polonja fejn lagħbet ma’ xi timijiet ewlenin, qabel ma waslet f’Apollon. Din il-mossa tfisser mhux biss opportunità li tikkompeti fuq livell għoli, imma wkoll simbolu ta’ kif plejers Maltin jistgħu jespandu l-ħiliet tagħhom u jagħmlu impatt fuq livell internazzjonali.

Minkejja li għad għandha 22 sena, diġa hi meqjusa bħala figura ta’ ispirazzjoni għall-ġenerazzjoni l-ġdida tal-plejers femminili Maltin. Din il-gazzetta tkellmet ma’ Lucia proprju minn Ċipru fejn bdiet titħarreġ ftit ftit mal-iskwadra tagħha li tinsab stabbilita’ f’Limassol.

Meta staqsejniha kif tħossha li qed tingħaqad ma’ klabb kbir bħal Apollon, hi qaltilna hekk:

“Ninsab kuntenta ferm! Dan il-klabb għandu storja u reputazzjoni kbira f’Ċipru. Jien nemmen li nistgħu nagħmlu affarijiet kbar flimkien. Din se tkun ir-raba’ sena tiegħi barra minn Malta, u nħoss li kull esperjenza tagħmel differenza kbira fil-ħiliet tiegħi u fil-karriera tiegħi.”

Lucia qalet kif il-ħajja barra minn Malta hija sfida u tagħtik opportunitajiet biex tiżviluppa kemm fuq il-livell professjonali kif ukoll personali:

Naturalment biex tagħmel dan kollu xejn m’hu faċli minħabba li tinsab ‘il bogħod mill-familja apparti li tgħix waħidha f’pajjiż barrani.

“Minkejja li ngħix waħdi, għandi determinazzjoni mingħajr waqfien. Jien stajt ħdimt x’imkien f’Malta u kont naqla’ iktar flus iżda għażilt din il-ħajja professjonali għax nemmen li dak hu li nixtieq.

Maya tispjega kif il-futbol barra minn xtutna huwa differenti ħafna minn dak Malti.

“Barra minn Malta qed tgħix ħajja oħra. Nitrenjaw bejn żewġ u tliet darbiet kuljum u l-livell ta’ preparazzjoni huwa ferm għoli. Kull eżerċizzju, kull sessjoni ta’ taħriġ, kull logħba hija opportunità biex ittejjeb lilek innifsek. Hawnhekk nista’ nitjieb u nħossni nżviluppa bħal ma qatt ma stajt qabel. Il-grawnds huma tajbin ħafna u l-ambjent hu estremament professjonali.”

Filwaqt li nistgħu naraw il-ħiliet individwali tagħha, il-kontribut tagħha għat-tim nazzjonali Malti tan-nisa huwa wkoll notevoli. Maya kienet parti essenzjali biex dan it-tim kiseb promozzjoni għal Grupp B fil-UEFA Women’s Nations League. Din il-prestazzjoni ħolqot mument storiku għall-futbol tan-nisa f’pajjiżna u turi li plejers bħal Lucia jistgħu jħallu impatt fuq il-pjan nazzjonali u internazzjonali.

Maya tgħid li l-integrazzjoni f’Apollon kienet faċli grazzi għall-ambjent pożittiv u l-professjonalità tal-klabb:

“Kont kuntenta ħafna li smajt ħafna affarijiet sbieħ fuqi meta wasalt. Il-livell tal-plejers hawn, il-kwalità tat-taħriġ u d-dedikazzjoni tal-istaff huma impressjonanti. Għandi din il-fiduċja li ġejt mogħtija u meta ċempilli l-kowċ, ma kontx naf li kien ilu jsegwini meta kelli 17-il sena meta lgħabna kontra Ċipru. Dak ħalla fija sensazzjoni ferm tajba li kollox se jkun sew u huwa importanti li jkollok xi ħadd li jemmen fik.”

Hija tikkonferma wkoll li l-kowċ Manuela Tesse għandha rwol importanti fil-progress tagħha u tal-oħrajn:

“Il-kowċ Tesse hi eċċellenti. Tagħtik motivazzjoni kbira u trid iktar mingħandek, imma dejjem tipprova tissimplifika l-punti li għandhom impatt fuq il-prestazzjoni tat-tim. Hawnhekk tara kif il-professjonalità tagħmel differenza, u huwa ta’ motivazzjoni kbira għalija li jkollok kowċ bħalha.”

Maya tispjega kif il-motivazzjoni u d-determinazzjoni huma fatturi ewlenin fil-karriera tagħha:

“L-importanti hu li jkollok id-determinazzjoni u li temmen fik innifsek. F’dan il-livell, għandek tara l-ogħla livelli u taħdem b’dixxiplina kontinwa. Meta ma jkollokx aptit titħarreġ jew toħroġ tilgħab dan kollu jgħaddi għax hemm id-dixxiplina li ġġiegħlek tagħmel sforz u toħroġ l-aħjar tiegħek.

Hija tħares lejn il-futur tagħha bl-ottimiżmu:

“Għandi 22 sena biss, imma minn hawn u għaxar snin oħra xorta narani li nkompli nilgħab il-futbol. Fil-fatt nixtieq ħafna li nibqa’ nilgħab sa ma jkolli 40 sena. Il-futbol hu ħajti, u kull staġun jipprovdi opportunitajiet ġodda biex nitjieb.”

Saqsejna lil Maya biex tagħtina messaġġ finali għal dawk il-bniet u tfajliet li qed jaqraw din l-intervista.

“Jien tgħallimt li dejjem għandu jkollok id-determinazzjoni u temmen fik innifsek. Il-futbol professjonali mhuwiex faċli, imma jekk taħdem b’dedikazzjoni u dixxiplina, tista’ tilħaq l-ogħla livell. Hemm plejers li kisbu l-ogħla suċċess billi żammew id-dixxiplina u l-passjoni tagħhom għal kuljum.”

Maya tħoss li l-ambjent f’Apollon huwa perfett biex jiġi żviluppat talent ġdid:

“Hawn plejers Amerikani u Ingliżi, u l-ambjent huwa estremament kompetittiv. Hawnhekk ir-rebħ hi ferm importanti. Il-pressjoni hi wkoll naturali u tagħtik motivazzjoni biex titjieb kontinwament. L-UEFA Women’s Champions League hija sfida oħra li se jkollna u ninsab ferm ħerqana li nasal għaliha.”

It-trasferiment ta’ Maya Lucia ma’ Apollon Ladies mhix biss huwa pass fil-karriera tagħha, iżda wkoll simbolu ta’ kif plejers Maltin jistgħu jespandu l-ħiliet tagħhom fil-livell internazzjonali. L-esperjenza tagħha f’Polonja, Kroazja u l-Italja ħallew impatt, iżda ma’ Apollon għandha opportunità unika biex tipprova livelli kompetittiv oħra, filwaqt li tagħti ispirazzjoni lir-raba’ ġenerazzjoni tal-futbol tan-nisa f’Malta.

B’determinazzjoni, dixxiplina u passjoni, Maya Lucia qed tagħmel passi kbar biex isimha jibqa’ magħruf mhux biss f’pajjiżna, iżda wkoll fl-Ewropa. Hija tħares ‘il quddiem għal staġun pożittiv u għal esperjenzi ġodda fiċ-Champions League u fil-futbol internazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport