Maya Lucia ngħaqdet ma’ Apollon Ladies fl-aqwa kampjonat ta’ Ċipru għall-istaġun 2025/26.
L-internazzjonali Maltija, li l-aħħar lagħbet ma’ Gdańsk, lagħbet ukoll fl-Italja u l-Kroazja matul il-karriera tagħha.
Hija kienet parti mit-Tim Nazzjonali Malti li bi kburija kiseb il-promozzjoni għal-League B fil-UEFA Women’s Nations League.
Lucia issa ssir it-tieni plejer Maltija li ffirmat ma’ Apollon Ladies, wara Rachel Cuschieri.
Maya ġġib magħha esperjenza siewja minn Raiders, Genoa, Osijek, u AP Orlen Gdańsk . Hija rrappreżentat lil Malta f’kull livell tat-tim nazzjonali, fejn kienet il-captain tat-timijiet taż-żgħażagħ qabel ma għamlet id-debutt tagħha mat-tim tal-kbar kontra l-Portugall.
Hija qalet: “Ninsab grata ħafna li nagħmel parti minn klabb daqshekk rispettat internazzjonalment b’mentalità rebbieħa ppruvata u b’ħafna kisbiet. Dan il-klabb għandu ambjent mill-aqwa – mill-istaff sal-plejers, u jien grata ħafna li ġejt milqugħa b’tant qalb tajba. Se nagħmel l-almu tiegħi kollu biex ngħin lill-klabb jilħaq l-għanijiet tiegħu u jistinka għal suċċess saħansitra akbar.”