Wednesday, March 5, 2025

Maż-żgħażagħ, nieħu gost naħdem u meta nara wħud minnhom jagħmlu l-pass ma’ tim tal-kbar huwa l-aqwa trofew li nista’ nirbaħ – Johann Scicluna

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn żgħir missieri kien nhar ta’ Ħadd jeħodni nilgħab il-ballun u maż-żmien ta’ 11-il sena bdejt nitħarreġ fl-akkademja ta’ Qormi FC, fejn dak ż-żmien kien għadu żmien li kulħadd kien jilgħab mar-raħal tiegħu. Zijiet li huma Beltin kienu jeħduni l-grawnd naraw il-Belt u allura meta tara l-imħabba li għandhom il-Beltin lejn il-logħba tal-ballun issir appassjonat bħalhom.

Iddeskrivi l esperjenza prżzenti tiegħek bħala head coach fin-nursery ta’ Valletta FC.

Li taħdem mal-akkademja ta’ Valletta FC huwa ta’ unur għalija u mhux faċli li ssib bilanċ bejn ix-xogħol ta’ head coach u li tkun partitarju tal-istess klabb. Das-sajf kelli l-unur bħala kowċ tat- tim tal-Under 20 li ktibna l-istorja meta għaddejna rawnd fil-UEFA Youth League, li kien fiha ħafna sagrifiċċju mill-istaff tekniku, kumitat u plejers biex ilħaqna dak it-tragward .

Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Valletta FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?

Ovvjament, trid tkun taħdem b’serjetá kbira fis-snin preċedenti u tagħtihom l-aqwa taħrig u l-aqwa tagħlim u tgħallimom li tilbes il-flokk tal-Belt mhux faċli għax dan iġorr piż kbir ta’ ħafna passjoni. Ġaladarba jifhmu dil-ħaġa u jkomplu jikbru fit-talent huwa mbagħad faċli li tidħol fid- dressing room ta’ Valletta u taħdem u tagħti l-mija fil-mija tiegħek mal-kumplament tal-iskwadra ewlenija li hi mimlija talent u esperjenzi li tgħinhom jikbru fil-logħba flimkien mal-istaff tekniku professjonali li nippossjedu bħala klabb.

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Il-livell qed jogħla minn sena għall-ohra f’numru kbir ta’ akkademji li llum kulħadd għandu l-aqwa għodda biex jaħdem u joħroġ talenti ta’ livell għoli. Ovvjament, għandek sezzjonijiet differenti fl-akkademji li barra li jkun hemm differenza tal-etajiet għandek differenza wkoll fl- abiltá tagħhom. L-importanti li int dejjem iżżomm f’moħħok li tifel minn xahar għall-ieħor jagħmel differenza fl-abiltá tiegħu u b’hekk ħadd ma jista’ jiġġudika plejer jekk hux se jkun ta’ livell jew le meta jkunu għadhom ta’ etá żgħira. Kull plejer jieħu ż-żmien tiegħu.

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-klabbs kull sena qed jogħla. L-aktar ħaġa li nixtieq nara hi dik li nreġġgħu lura l-arloġġ fejn min-naħa ta’ numru ta’ plejers barranin li l-opportunitá ta’ plejers żgħażagħ Maltin qiegħda tonqos għaliex flok għandek nukleu ta’ starting line-up ta’ ħames Maltin, in-numru niżel għal tlieta, u jaf fil-futur qrib jiġi miftuħ, u b’hekk f’dan ir-rigward l-iskop tal-akkademji ħa jkun fallut. Żgur li biex klabb ikollu set-up kompluta ta’ klabb professjonali l-ispejjeż jogħlew għax plejer irid li l-futbol ikun il-full-time job tiegħu li ħafna klabbs għadhom lura biex ikollhom finanzi biżżejjed biex ikunu jistgħu jagħmlu pagi raġonevoli għal kull plejer u staff tekniku.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-loghob kompetittiv tagħkom?

Sfortunatament, it-tim tal-Valletta FC għad m’għandniex grawnd tagħna, fejn fil-preżent nagħmlu użu minn ħames grawnds differenti biex inlaħħqu mal-iskwadri kollha tagħna. Fejn jidħol logħob għandek grawnds attrezzati tajjeb peró għandek grawnds ukoll li lanqas għat-taħriġ m’huma tajbin, aħseb u ara biex tilgħab logħob kompetittiv speċjalment id-dawl artifiċjali fejn jintlagħbu l-logħob taż-żgħażagħ filgħaxijiet.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Illum il-ġurnata li kelli esperjenzi f’kull settur minn żgħar sal-Premier Division għal dawn l-aħħar 32 sena qed nieħu gost niggwida kowċis ġodda mill-esperjenza tiegħi. Maż-żgħażagħ, nieħu gost naħdem u meta nara wħud minnhom jagħmlu l-pass ma’ tim tal-kbar huwa l-aqwa trofew li nista’ nirbaħ. Peró, iż-żmien li nirtira mix-xena sportiva dejjem qed jasal viċin u x-xewqa tiegħi hi li la nispiċċa jkolli ċans li nibda avventura ġdida f’xi ħaġa li nkun ta’ għajnuna fis-soċjetá ma’ żgħażagħ li għaddejjin minn problema ta’ droga.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex tgħix il-ħolma tiegħek, trid tkun preparat li minn ħolma għar-realtá, hemm sigħat kbar ta’ sagrifiċċju, fejn anke l-element ta’ fortuuna irid ikun fin-naħa tiegħek ukoll. L-aktar ħaġa importanti hi li żżomm saqajk mal-art u l-eżami finali huwa dak fejn tkun wasalt fil-karriera tiegħek.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport