“Minn Jannar ta’ din is-sena l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, affettwat tibdil u ċaqlieq f’responsabbiltajiet u dekasteri varji.”
Hekk intqal fi stqarrija li ħareġ il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija b’rabta mal-każ tal-Kunsilliera Nazzjonalista fis-Siġġiewi u eks kandidata tal-istess partit Francine Farrugia. Hija tressqet il-Qorti nhar il-Ħamis li għadda fejn ġiet mixlija bi frodi ta’ madwar €2.3 miljun
Fi stqarrija l-MCAST tgħid li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali bdiet tiġi implimentata bidla fis-sistema tal-payroll li tinkludi in build verification system integrata ma’ numru ta’ sistemi oħrajn li jassiguraw livell għoli ta’ governanza u trasparenza.
“Din is-sistema ġdida bdiet tiġi introdotta f’fażijiet, sabiex tiġi assigurata transizzjoni effiċjenti u mingħajr skossi tul ix-xhur tas-sajf ħalli eventwalment tieħu post is-sistema pre-eżistenti. Dawn ix-xhur huma ideali minħabba l-vaganzi tal-istudenti fiż-żmien meta jsiru ħlasijiet iżgħar għal servizzi mogħtija mill-impjegati tal-MCAST,” tkompli tgħid l-istqarrija.
L-MCAST jinforma lill-pubbliku in ġenerali li l-bieraħ reġa issottometta lilu nnifsu għal skrutinju ta’ awditjar estern billi ngaġġa lil waħda mill-kumpaniji ewlenin ta’ awditjar f’pajjiżna biex tanalizza proċessi u tirrakkomanda azzjonijiet varji.
“L-MCAST qed isegwi l-evoluzzjoni tal-każ kif ukoll il-proċessi legali varji, inkluż dawk li jwasslu għar-restitwizzjoni tal-fondi pubbliċi nvoluti,” itemm tgħid l-istqarrija.