Friday, November 15, 2024

McDonald’s jissostitwixxi l-pożati tal-plastik f’inizjattiva ambjentali

Aqra wkoll

McDonald’s ħabbret li qed tissostitwixxi l-pożati tal-plastik bi mgħaref, skieken u frieket tal-karti.

Il-kumpanija multinazzjonali tal-fastfood qalet li tistma li b’din id-deċiżjoni se tkun qiegħda telimina 858 tunnellata ta’ plastik kull sena.

Il-kbarat tal-istess kumpanija qed jgħidu li l-pożati l-ġodda se jkunu magħmula minn karta ppressata li tiġġedded u li hija wkoll iċċertifikata mill-FSC.

Dawn il-pożati jinkludu l-famuża kuċċarina fil-McFlurry, li flimkien mal-bqija tal-ippakkjar kollu tal-McDonald’s, se tkun kompletament riċiklabbli u kompostabbli sal-2024.

Dawn il-pożati l-ġodda bdew jinxterdu madwar l-Ingilterra u Wales, wara li l-istess passi kienu diġà ttieħdu fl-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda, li diġà għamlu l-bidla għall-karta.

McDonald’s diġà introduċiet straws tal-karti, tazzi tal-ġelat mingħajr għotjien tal-plastik, u kaxxi tal-insalata magħmula mill-kartun.

Nina Prichard, kap tas-sorsi sostenibbli u etiċi f’McDonald’s, qalet li “Bħala negozju, aħna impenjati li nieħdu azzjoni dwar l-ippakkjar u l-iskart u li fuq kollox inżidu s-sostenibbiltà tagħna. Aħna kuntenti li nħabbru pass ieħor ’il quddiem fl-eliminazzjoni tal-plastik li jintuża darba biss u huwa tajjeb ħafna li qed naqilbu l-kuċċarini famużi tagħna tal-ġelat għal dan il-materjal ġdid ibbażat fuq il-karta”.

Ekonomija

Sport