McDonald’s fakkret Pride Week f’Malta b’donazzjoni ta’ €10,000 lil Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM) – donazzjoni li se tgħin fl-ewwel proġett ta’ housing: Dar Qawsalla.
“Pride Week hija ċelebrazzjoni tad-diversità u bħala kumpanija li dejjem ħaddnet il-valur tad-diversità, kburin li qed inwasslu dan il-kontribut b’riżq proġett li jiċċelebra d-diversità u li jissapportja lill-komunità,” qal Peter Hili, Direttur Maniġerjali ta’ Premier Restaurants Malta, l-operatur ta’ McDonald’s.
Ix-xogħolijiet fuq Dar Qawsalla mistennija jibdew fix-xhur li ġejjin u d-dar mistennija tibda’ tilqa’ l-ewwel persuni fl-2024.
Is-sur Hili żar Dar Qawsalla mal-Co-Koordinatriċi ta’ MGRM Colette Farrugia Bennett sabiex jippreżenta d-donazzjoni. Is-sinjorina Farrugia Bennett qalet li l-għajnuna minn McDonald’s se tgħin biex jingħata bidu għax-xogħol ta’ ristrutturazzjoni tad-dar.
Fl-2020 MGRM kienet issottomett proposta lill-Programm ta’ Fondi Speċjali għall-Housing fi ħdan l-Awtorità tad-Djar b’riżultat li kienet allokata propjetà vakanti f’San Gwann minn fejn ir-Rainbow Support Service tagħha se jkun jista’ jipprovdi servizz ta’ akkomodazzjoni lill-membri tal-komunità LGBTIQ+ li jisfaw mingħajr dar.
“Il-proposta ta’ MGRM sabet l-appoġġ tar-Resource and Support Service meta s-social workers t’hemmhekk bdew isiru jafu iżjed dwar id-diffikultajiet ta’ housing li kienu qed jiltaqgħu magħhom persuni li kienu qed jingħataw l-appoġġ. Mingħajr ix-shelter tagħha stess, MGRM kien qed ikollha tirreferi lil dawn il-persuni bi bżonn fejn joqgħodu lil entitajiet oħra li joffru l-housing. Issa kburin li dalwaqt se jkollna l-ewwel rainbow house tagħna!” qalet is-sinjorina Farrugia Bennett.
Is-sur Hili semma kif McDonald’s qed twettaq ħafna xogħol sabiex tippromwovi l-ugwaljanza u l-inklużjoni fost l-impjegati tagħha. Id-Direttur tar-Riżorsi Umani ta’ McDonald’s fil-fatt ingħatat l-inkarigu speċifiku li tippromwovi l-valuri ta’ diversità, inklużjoni u ugwaljanza mal-kumpanija kollha. Fil-fatt, qed isir taħriġ b’mod regolari kif ukoll online workshops dwar il-miżuri kollha li jridu jittieħdu sabiex il-post tax-xogħol ikun dejjem wieħed li joffri sigurtà u rispett u fejn ma jkunx hemm harassment jew diskriminazzjoni.