Tuesday, December 24, 2024

MDA: Budget b’miżuri soċjali mmirati lejn in-nies

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) bi pjaċir innotat illi l-budget ta’ din is-sena kien wieħed b’ruħ soċjali, fejn għal darb’oħra ma żdiedux taxxi u ġġeddew l-inċentivi li kienu fis-seħħ u li permezz tagħhom, fuq inizjattiva tal-MDA, il-gvern mhux biss kien daħħal aktar taxxa iżda l-poplu gawda għaliex setgħa jagħmel investiment f’saħħtu anka fi żmien diffiċli. Qalet li l-likwidità tikber meta ma jittieħdux miżuri ta’ awsterità u konsekwenza ta’ dan l-investiment jitkattar.

L-MDA qalet li l-gvern, f’dan il-budget, irrikonoxxa l-importanza tal-industrija tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni billi reġa’ ġedded l-iskemi relatati max-xiri tal-propjetà, fosthom tal-first u s-second time buyers, skemi li wkoll oriġinarjament kienu proposti tal-MDA f’leġizlatura preċedenti, liema skemi tant aġevolaw nies li xtaqu jsiru sidien ta’ djarhom filwaqt illi ħallew impatt pożittiv fuq l-ekonomija Maltija.

L-Assoċjazzjoni fissret li ilha snin tisħaq illi għandhom jingħataw inċentivi sabiex l-investitur iħares lejn proprjetajiet eżistenti, mitluqin u abbandunati u jagħtihom ħajja ġdida billi jirripristinahom b’rispett għat-tradizzjoni u l-kultura Maltija. Għaldaqstant qalet li l-inċentiva ta’ ħelsien mit-taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ propjeta’ vakanti jew UCA jew bi stil tradizzjonali flimkien ma grants għal min jagħmel dan meta jixtri l-ewwel dar tiegħu ukoll intlaqgħet tajjeb ferm.

Apparti minn hekk, anke l-inċentivi fiskali għal min jirrestawra dawn it-tip ta’ binjiet bi b’għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 għal fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u rfinar ta’ dawn il-propjetajiet. L-MDA qalet li dan għandu jwassal għal tisbieħ tal-lokalitajiet tagħna u jagħti inċentiv lil min ikun irid jinvesti fil-bini nnifsu u mħux biss lil min ikun irid jinvesti fl-art.

L-MDA qalet li passi oħra pożittivi li kienu l-inċentivi għal min ibiegħ propjetà li kienet mikrija b’rata affordabbli u l-kreazzjoni ta’ fondazzjoni bejn il-Knisja u l-istat. L-MDA kienet saħqet illi kreazjoni ta’ private public partnership f’dan is-settur kienet idea li tista’ tagħti l-frott.

L-Assoċjazzjoni, għalkemm tilqa’ l-inċentivi u l-proposti tal-gvern ukoll fil-qasam tal-enerġija rinovabbli kif ukoll biex tiġġedded l-ekonomija l-ħadra b’dispjaċir innotat illi l-proposti tagħha biex jiġu inċentivati l-bejgħ u x-xiri ta’ propjetajiet bl-għola standards fejn jidħol l-ambjent u l-qalba gradwali għall-carbon neutrality ma sabux posthom fil-budget ta’ din is-sena. 

L-MDA hija tal-fehma illi dawn il-proposti kienu se jgħinu sabiex Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha fil-ħin u għaldaqstant tħeġġeġ lill-gvern sabiex jikkunsidra bis-serjetà jekk għandux jaddottahom xorta waħda billi jdaħħal miżuri ġodda dwarhom matul is-sena.

L-Assoċjazzjoni bi pjaċir laqgħet ukoll il-miżura tal-ħlas tal-overtime bi tnaqqis ta’ 15% fuq l-ewwel €10,000 qliegħ. Din kienet proposta li l-MDA għamlet din is-sena għaliex il-ħaddiema kienu qiegħdin jippreferu jmorru jaħdmu part-time ma’ terz milli jagħmlu overtime ma’ min iħaddimhom, minħabba t-taxxa għolja li kien qiegħed ikollhom iħallsu.

L-MDA finalment tħoss illi dan huwa budget pożittiv u mifrux fit-tqassim tiegħu, illi ser iħalli l-flus fil-bwiet tal-poplu u tifraħ lill-gvern illi fasslu għaliex mhux faċli illi wara pandemija li swiet il-miljuni lill-pajjiz il-gvern jerġa’ jinjetta aktar flus fl-ekonomija u jafda l-poplu biex iħaddimhom.

Ekonomija

Sport