Saturday, November 16, 2024

Medja ta’ 100 telefonata kuljum fuq il-Helpline 138 fl-ewwel ġimgħa mit-tnedija tiegħu

Aqra wkoll

Fl-ewwel ġimgħa mit-tnedija tal-Helpline 138 daħlu medja ta’ 100 telefonata kuljum. Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.

B’dan is-servizz, il-pubbliku għandu aċċess faċli u effettiv ta’ rapportaġġ fil-pront lill-entitajiet regolatorji kollha, 24 siegħa kuljum, inkluż is-Sibtijiet u l-Ħdud, sabiex iwasslu t-tħassib u l-biżgħat li jista’ jkollhom dwar ċertu binjiet u siti ta’ kostruzzjoni.

Il-Ministru Attard tenna l-impenn tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u Servizz.gov, li jkomplu jtejbu dan is-servizz ċentralizzat sabiex tiżdied l-effiċjenza u kull telefonata tkun indirizzata bl-aħjar mod possibbli. 

Sadanittant, f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza l-ġimgħa li għaddiet waqt it-tnedija ta’ dan il-helpline, il-Ministru Attard kien qal li: “Dan il-helpline huwa wieħed minn ħames inizjattivi immedjati li ħabbarna fl-aħħar ta’ Frar li għadda. Bit-tnedija tiegħu u inizjattiva oħra ta’ assistenza ta’ Avukati u Periti bla ħlas għal terzi affettwati mill-kostruzzjoni li se nkun qed inħabbar dalwaqt, flimkien ma’ riformi leġiżlattivi importanti bħal-liġi l-ġdida tal-OHSA, fi żmien sitt xhur se nkunu wettaqna l-maġġoranza assoluta ta’ dawn l-inizjattivi.”

Ekonomija

Sport