Friday, December 13, 2024

Medja ta’ aktar minn 100 viżitatur kuljum fil-MICAS

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu kien inawgurat l-ewwel Spazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta, il-MICAS. Proġett li jidher li mill-ewwel niżel tajjeb ħafna tant li minn mindu fetaħ il-bibien tiegħu, mis-27 ta’ Ottubru diġà kien hemm medja ta’ aktar minn 100 viżitatur kuljum.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Budget 2025 għal dan il-Ministeru.

Il-Ministru Bonnici qal li permezz tal-MICAS qed iħallu legat uniku fil-qasam tal-arti u l-kultura. Qal li issa pajjiżna għandu spazju dinjituż, tal-ogħla livell, għall-esebizzjonijiet u installazzjonijiet artistiċi kontemporanji, kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin.

Huwa ħabbar ukoll li bejn is-7 u t-8 ta’ Diċembru se tiġi organizzata open day fejn il-familji qed jiġu mistiedna jmorru l-MICAS, il-Furjana, fejn se jkun hemm ukoll attivitajiet mill-isbaħ. Id-dħul se jkun bla ħlas.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar il-ħidma li qiegħda twettaq l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Qal li apparti attivitajiet tal-massa, l-Aġenzija ttella’ wkoll oħrajn fuq skala iżgħar bħal dawk ta’ Strada Stretta, dawk tal-Valletta Design Cluster u proġetti oħra bħal produzzjonijiet teatrali u esebizzjonijiet tal-arti.

Dwar Heritage Malta, huwa qal li l-andament pożittiv li din esperjenzat matul l-2023, issokta matul din is-sena, kif rifless fin-numru ta’ viżitaturi li daħlu fis-siti u l-mużewijiet taħt il-ħarsien tal-aġenzija.

Sadanittant, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali spjega li għas-sena d-dieħla se jitwettqu xejn inqas minn 40 proġett ta’ restawr. Flimkien ma’ dawn se jkun hemm ukoll il-bidu jew it-tkomplija ta’ proġetti oħra kbar fosthom il-Culture and Arts Hub u Villa Gwardamanġa.

Ekonomija

Sport