Sunday, December 22, 2024

Megan Rapinoe ttemm il-karriera internazzjonali

Aqra wkoll

Megan Rapinoe niżżlet s-siparju tal-karriera internazzjonali tagħha hekk kif l-Istati Uniti għelbu lill-Afrika t’Isfel 2-0 f’Chicago.

Qabel it-Tazza tad-Dinja 2023, l-attakkanta qalet li ppjanat li tirtira meta jintemm l-istaġun tan-National Women’s Soccer League (NWSL).

Rapinoe, li għandha 38 sena, iddebuttat fit-team tal-Istati Uniti fl-2006 fejn lagħbet 203 logħbiet, skorjat 63 goal, u rebħet it-Tazza tad-Dinja fl-2015 u l-2019.

“Allura kbira. Kienet tal-għaġeb,” qalet Rapinoe dwar l-akklamazzjoni li rċeviet fil-partita ta’ ħbiberija tal-Ħadd.

“Kienet tassew brillanti, li nisma’ l-affari­jiet sbieħ kollha, li jkollok mument ta’ għe­luq, li nerġa’ nilgħab quddiem folla kbira.

“Se nħoss in-nuqqas għal dejjem. Ma naħsibx li qatt se nkun f’mument fejn se jħossni perfetta iżda dan huwa pjuttost qrib.”

Rapinoe bdiet il-logħba f’Soldier Field u ngħatat ovazzjoni hekk kif il-logħba ġiet imwaqqfa meta ġiet irtirata wara 54 minuta.

Ir-rebbieħa tal-Ballun tad-Deheb 2019 irrappreżentat lill-Istati Uniti f’erba’ Tazzi tad-Dinja u għenet ukoll lil pajjiżha jirbaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi 2012 f’Londra, għalkemm kienet waħda minn tliet players li tilfu penalty meta ġew eliminati mit-Tazza tad-Dinja 2023 kontra l-Isvezja fl-Aħħar 16.

Wara r-rebħa tal-Ħadd, Rapinoe ppruvat tiġġieled id-dmugħ fid-diskors tagħha, u rringrazzjat lill-partitarji għall-appoġġ tagħhom f’dawn l-aħħar 17-il sena.

“Kien ta’ unur kbir li stajt nilbes dan il-flokk u nilgħab ma’ dawn il-players tal-għaġeb kollha u ngħix il-ħolma tiegħi ta’ tfuliti, b’mod każwali, quddiem id-dinja,” qalet Rapinoe.

“Iġġilidna tant barra l-ground biex inkomplu noħolqu aktar spazju għalina nfusna biex inkunu dak li aħna, iżda nittamaw li min-naħa l-oħra jkun hemm aktar spazju biex intom tkunu min intom.

“Jien mhux se nitlaq għal kollox. Iżda tinkwetawx. Jien issa waħda minnkom.”

Rapinoe hija skedata li tirtira mill-football professjonali fil-15 ta’ Ottubru meta t-team tan-NWSL, OL Reign, jilgħab l-aħħar logħba tal-istaġun għand Chicago Red Stars.

Ekonomija

Sport